Il-Professur Alfred Vella llum inħatar bħala r-Rettur il-ġdid tal-Università ta’ Malta. Dan hekk kif dalgħodu saret iċ-ċerimonja tal-ħatra, li bdiet b’purċissjoni mill-Università l-Qadima sal-Knisja tal-Ġiżwiti.
Hemm, ir-Rettur il-ġdid ingħata l-iskroll bħala simbolu tat-tmexxija tal-Università, li issa hi f’idejh.
F’kumment lil NETnews.com.mt, il-Professur Vella tkellem dwar il-viżjoni tiegħu għall-Università ta’ Malta, filwaqt li għadda parir ukoll lill-istudenti li f’Ottubru se jkomplu jew se jibdew sena akkademika fl-Università.
Qabel iċ-ċerimonja tal-ħatra, Juanito Camilleri li serva bħala Rettur mill-2006 ‘l hawn, iffirma Memorandum of Understanding mal-Gvern. Il-ftehim jiddeterimna li dak li llum hu l-Valletta Campus, li nbena mill-Ġiżwiti fl-1592, issa se jsir propjetà tal-Università ta’ Malta.
Dan bħala skambju ta’ art f’Tal Qroqq li kienet ittieħdet lill-Università snin ilu biex inbniet il-Pixxina Nazzjonali.
Il-PN jirringrazzja lill-Professur Juanito Camilleri għall-ħidma tiegħu bħala Rettur tal-Università ta’ Malta
Hekk kif illum, il-Professur Alfred Vella se jkun qed jieħu r-rwol ta’ Rettur ġdid tal-Università ta’ Malta, il-Partit Nazzjonalista jieħu din l-okkażjoni biex jirringrazzja lill-Professur Juanito Camilleri għall-ħidma tiegħu bħala Rettur tal-Università ta’ Malta għal dawn l-aħħar 10 snin.
Il-viżjoni u l-ħidma tal-Professur Camilleri kienu kruċjali biex l-Università ta’ Malta tkompli tgħolli l-istandards tal-edukazzjoni f’pajjiżna, filwaqt li ssir dejjem aktar Università li twassal għal edukazzjoni soda, kif ukoll post ta’ riċerka u ta’ kontribut lis-soċjetà. Taħt id-direzzjoni tiegħu, kiber ferm in-numru ta’ studenti li jkomplu bl-edukazzjoni terzjarja u post-terzjarja.
Il-ħidma tal-Professur Camilleri xprunat ir-riċerka fl-Università ta’ Malta, kif ukoll it-tagħlim fid-dinja diġitali f’pajjiżna.
F’dan il-jum, il-Partit Nazzjonalista jawgura wkoll lill-Professur Alfred Vella fil-kariga ġdida li għandu u li anke hu jwettaq il-viżjoni għal Università li tkompli ssawwar edukazzjoni terzjarja tal-ogħla livell.
//= $special ?>