Ix-xejriet ta’ populiżmu politiku fl-Ewropa matul dawn l-aħħar snin, mhux talli qiegħed jinfirex donnu nar qawwi f’nixfa ta’ foresta, imma talli qiegħed iħalli impatt li possibbilment ser ikollu riżultati aħħarija li jxaqilbu lejn dawk katastrofiċi.
F’Malta l-Priministru Joseph Muscat bena lilu nnifsu bħala mexxej li jimraħ fuq il-kliem fieragħ, is-sustanza tal-populiżmu: dak li twiegħed kollox u lil kulħadd. Illum, ftit snin biss wara, Joseph Muscat qiegħed jaffaċċja r-riżultati ta’ politika li bħaż-żejt mitfugħ fl-ilmijiet imdardra, meta joqgħod, jitla’ fil-wiċċ u jagħti stampa veritiera. Politika li ma għandha l-ebda validità, hija dik il-politika li jkollha biss l-intenzjoni li twassal sad-destinazzjoni tal-poter, u xejn aktar lil hinn minn hekk. Fuq l-istess binarji, rajna lil Alexis Tsipras, li rebaħ b’mod emfatiku darba, darbtejn minkejja l-wegħdiet populisti li qed ikomplu jgħarrqu lill-Greċja u konsegwentament lill-Ewropa li ħarġet għonqha aktar minn bosta drabi biex issalva l-marda tal-populiżmu.
Ir-riżultat tar-referedum li ta rebħa deċiżiva lill-kamp tal-Brexit, huwa wkoll, jekk xejn, riżultat ta’ politika populista msejsa fuq sensazzjonaliżmu li mhux lakemm jittrasforma f’realtà, u l-istess hawnhekk, hekk kif iż-żejt qabad tiela’ fil-wiċċ, feġġet kriżi ta’ antiteżi fl-iskop kollu wara r-Renju Unit. Rebħa favur Brexit, qed iġġib magħha xejriet diżastrużi, l-ewwel nett meta nanilzzaw kif iż-żewġ partiti l-kbar: il-Partit Konservattiv ta’ David Cameron u l-Partit Laburista ta’ Jeremy Corbyn kienu fuq in-naħa tar-Remain; riżultat għaldaqstant li jixhed kemm politikament, ir-Renju Unit hija falluta. Aktar minn hekk, ir-riżultat qed iġib miegħu r-riżenja immedjata ta’ Cameron, imma wkoll il-possibbiltà ta’ vot ta’ sfiduċja fil-Mexxej Laburista li ħa postu ftit xhur ilu biss wara telfa straordinarja għal Ed Miliband, liema Mexxej kien kontra li jissejjaħ referendum. Ironikament, fit-telfa ta’ Miliband kien hemm rebħa ta’ Cameron li sejra ġġib ħerba. Dan kollu ħtija ta’ viżjoni fjakka, strateġija fqajra li wasslet biss biex Cameron jerġa’, momentarjament jikseb il-poter.
David Cameron għandu jerfa’ kull resposnsabbiltà, mhux għal deċiżjoni li jsejjaħ referendum imma għall-politika ta’ negattività fir-rigward tal-Unjoni Ewropea: Cameron għamel karriera jikkritika lill-Unjoni Ewropea sakemm mar jinnegozja negozjati ġodda, li permezz tagħhom bidel l-opinjoni dwar l-importanza tal-Unjoni Ewropea tul dawn l-aħħar 4 xhur, li fihom, kuntrarjament ipprova jikkonvinċi lill-miljuni li kienu ġa semgħu żżejjed mingħandu stess kontra l-Unjoni Ewropea. Ried isalva lilu nnifsu, ried ikisser lil ħaddieħor fil-partit tiegħu stess u jekk forsi b’mod indirett poġġa lil Boris Johnson – is-suċċessur possibbli tiegħu bħala Priministru – f’qagħda ta’ ‘political check-mate’, ħalla Renju Unit iħares lejn kull possibbiltà ta’ qamsa storika.
Hawn ukoll jirrenja l-populiżmu ta’ Boris Johnson u Nigel Farage li bnew kampanja kollha fuq ineżattezzi iperboliċi. Il-gidba tat-€350 miljun li kienu se jmorru direttament għas-servizzi tas-saħħa minflok għall-Unjoni Ewropea sakemm ittieħed il-vot, waqgħet bħal maskra li nisslet diqa, biża’, instabbilità u kollass finanzjarju. Il-populiżmu tagħhom wassalhom sax-xifer politiku tagħhom stess: Farage, Membru Parlamentari Ewropew li ħadem biex ikisser ir-rabtiet mal-Ewropa issa ntalab biex ma jipparteċipax fin-negozjati sabiex ir-Renju Unit jeżawrixxi artiklu 50 tat-trattat tal-Liżbona, li bih isseħħ verament il-Brexit. Johnson kellu biss quddiemu d-distruzzjoni ta’ Cameron, imma dan tefa’ kollox f’wiċċ ‘Donald Trump’ tal-Ewropa: Irid ikun il-Priministru l-ġdid li jsib mezz ta’ kif jinħall mill-UE, objettiv realistiku bil-paroli, imma aktarx impossibbli fil-prattika, sakemm ma tissejjaħx elezzjoni u l-poplu tar-Renju Unit jivvota lill-Partit Liberali li qed iwiegħed li jannulla r-riżultat tal-Brexit, jew sakemm ma jkunx hemm vot kontra fil-Parlament.
Minkejja r-rebħa tal-ftit li sa issa qed jidhru li ma għandhomx viżjoni, ir-Renju Unit qed jinqasam: l-Iskozja qed terġa’ tissaħħaħ fis-sejħa ta’ referendum għall-Indipendenza wara li 62% vvutaw kontra Brexit. L-Irlanda għandha wkoll dubju serji fuq il-futur tagħha.
Din hija l-politika fqira ta’ bla viżjoni. Huwa għalhekk ta’ serħan il-moħħ li llum, id-dibattitu dwar Malta u l-Unjoni Ewropea huwa stabbilit bil-Priministru Malti jafferma li jkun suwiċidju jekk Malta toħroġ minn sħubija sħiħa, anke jekk kien wieħed minn dawk li kkampanjaw bis-sħiħ kontra sħubija ftit taż-żmien ilu. Huwa biss ħela ta’ żmien li minn fostna jqumu ‘pressure groups’ jew taparsi partiti bħall-Alleanza Bidla li jipprovaw jimitaw antiteżi għall-għaqda li bħalissa qed Ttirrenja f’pajjiżna.
Nifhem li aħna għaqlin biżżejjed biex nagħrfu li r-Renju Unit għamel għażla ħażina.
//= $special ?>