L-istejjer fil-mezzi tax-xandir, b’mod partikolari fuq The Times of Malta fil-jiem li għaddew, ippreżentaw numru ta’ gideb mill-Gvern fuq il-privatizzazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Karen Grech. Dawn huma serji u jista’ jkollhom konsegwenzi gravi ħafna.
Fi stqarrija f’isem ix-Shadow Ministers Claudette Buttigieg u Chris Said, il-Partit Nazzjonalista qal li l-fatt li l-Gvern qed jiċħad l-istejjer tal-media mingħajr ma jipprovdi l-ebda provi ma jista’ qatt iserraħ ras il-poplu Malti u Għawdxi, b’mod speċjali l-ħaddiema fl-Isptarijiet, il-pazjenti u l-qraba tagħhom, li dak li qed jgħid il-Gvern hu minnu.
The Times of Malta qed tinsisti li, skont dokumenti li għandha f’idejha, il-Gvern mhux veru ta l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex lill-privat għal 30 sena biss iżda għal 99 sena. Dan għaliex il-Privat għandu l-faċilità, fuq għażla tiegħu biss, li jġedded il-kuntratt b’69 sena. Il-Gvern qed jibqa’ jiċħad dan, iżda fl-istess waqt żvela li dan l-arranġament żgur li sar għall-Isptar San Luqa, minkejja li dan il-fatt dejjem inżamm moħbi mill-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Partit Nazzjonalista qal li hu ċar li dawn it-tip ta’ stejjer fil-media, b’ċaħdiet fjakki min-naħa tal-Gvern, ma jagħmlu xejn ħlief ikomplu joħolqu inċertezza kbira u jżidu s-suspetti ta’ korruzzjoni f’dan il-proċess. Fakkar li dawn il-kuntratti ġew innegozjati minn Konrad Mizzi u Keith Schembri, kif ukoll ġew iffirmati fl-istess żmien li l-poplu Malti u Għawdxi kien qed jipprotesta biex dawn iż-żewġ persuni jitneħħew mill-kariga wara li nqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama u Trusts sigrieti fi New Zealand, filwaqt li għamlu attentati biex jiftħu kontijiet sigrieti mad-dinja kollha biex fihom ipoġġu s-senserija.
Għalhekk, għal darb’oħra, il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti biex il-Gvern jippubblika b’mod immedjat il-kuntratti kollha li ffirma dwar il-privatizzazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Karen Grech.
//= $special ?>