Għawdex Lokali

Il-proġett taċ-Ċittadella: ġawhra li tixraq lil Għawdex

Illejla se jkun qed jiġi inawgurat il-proġett taċ-Ċittadella, li ma jistax ma jiġix deskritt bħala ġawhra mill-isbaħ li tant tixraq lill-gżira Għawdxija. Dan il-proġett, li se jkun ta’ kalamita mhux biss għat-turisti iżda wkoll għall-Maltin u l-Għawdxin, hu proġett importanti għal Għawdex kollu.

Fi stqarrija mix-Shadow Minister Chris Said u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni Frederick Azzopardi, il-Partit Nazzjonalista fakkar kif il-proġett tar-restawr taċ-Ċittadella ġie maħsub, ippjanat u mibdi minn Gvern Nazzjonalista, li ħadem ukoll biex assigura fondi mill-Unjoni Ewropea. B’kollox, Gvern Nazzjonalista ddedika €14-il miljun biex isir dan il-proġett, li 85% minnhom ġew mill-Unjoni Ewropea.

Il-Partit Nazzjonalista fakkar kif il-proġett hu parti waħda minn ‘masterplan’ ħolistiku għaċ-Ċittadella, li issa tlesta u li kien jinkludi wkoll ir-restawr tas-swar kollu minn barra, kif ukoll it-tisħiħ ta’ fejn kien hemm il-periklu li dawn iċedu.

Il-Partit Nazzjonalista innota b’sodisfazzjon li l-Gvern Laburista kompla jaħdem fuq dan il-proġett, għalkemm spiċċa tlesta 12-il xahar tard. Dan id-dewmien fl-aħħar sena fisser ukoll telf ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea li kienu maħsuba u diġà ġew iddedikati għal dan il-proġett.