Internazzjonali

Indikazzjoni ta’ duħħan’ fl-ajruplan tal-EgyptAir

Investigaturi Eġizzjani qalu li r-recording ta’ waħda mill-kaxxi s-suwed tal-ajruplan tal-linja EgyptAir li ġġarraf fil-Mediterran, fid-19 ta’ Mejju, jindika li kien hemm ‘id-dħaħen abbord’, minuti biss qabel l-ajruplan għeb minn fuq ir-radar.
It-Titjira MS804 tal-EgyptAir baqgħet nieżla fil-baħar, bil-konsegwenza li mietu s-66 persuni kollha li kienu qed jivvjaġġaw minn Pariġi lejn il-Kajr.
Numru ta’ messaġġi elettroniċi li bagħat l-ajruplan żvelaw li kienu ġew attivati s-smoke detectors f’toilet u fis-sezzjoni tal-avionics, taħt il-kabina. Dan seħħ ftit qabel l-għajbien tal-ajruplan, tat-tip Airbus 330.
Issa, l-investigaturi qed jgħidu li d-data rrekordjata hi ‘konsistenti’ ma’ dawk il-messaġġi.
Il-kaxxi s-suwed tal-Airbus (il-voice u l-flight data recorders) kienu rkuprati minn fond ta’ xi 3,000 metru fil-Mediterran.
It-tieni kaxxa sewda – il-cockpit recorder – għadha għaddejja minn proċess ta’ tiswijiet f’Pariġi.