Internazzjonali

Jieħu l-ġurament ta’ President tal-Filippini

Rodrigo Duterte

Rodrigo Duterte ħa l-ġurament bħala President ġdid tal-Filippini wara li, f’Mejju, kien rebaħ l-elezzjonijiet għall-Presidenza.
Duterte għandu passat pjuttost kontroversjali bħala eks-Sindku tal-Belt ta’ Davao u wiegħed anki ‘gwerra mdemmija’ kontra l-kriminalità flimkien ma’ azzjoni determinata fil-konfront tal-korruzzjoni.
Fid-diskors inawgurali bħala President, Duterte, li għandu 71 sena, reġa’ wiegħed bidliet kbar fis-sistema politika tal-pajjiż. Hu irrimarka li l-Filippini tilfu fiduċja anki fis-sistema ġudizzjarja tal-pajjiż u fil-kapaċitajiet taċ-ċivil biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja għall-poplu.
Rodrigo Duterte, li rari ħareġ mill-inħawi ta’ Davao mindu kien iddikjarat rebbieħ tal-elezzjoni, ħa l-ġurament tal-ħatra waqt ċerimonja qasira fil-Palazz ta’ Malacanang, f’Manila.
Skont il-Kostituzzjoni tal-Filippini, Duterte u l-Viċi-President tiegħu, Leni Robredo, se jkollhom mandat ta’ sitt snin fil-karigi rispettivi.