Il-ġimgħa li għaddiet, ir-Renju Unit ġie msejjaħ għal vot, għal deċiżjoni dwar jekk jixtiqux jibqgħu parti mill-Unjoni Ewropea jew le. Ġew imsejħa jieħdu deċiżjoni bbażata fuq esperjenzi tal-passat, biex jiddeċiedu l-futur tagħhom u ta’ pajjiżhom.
Minkejja li huma ħafna dawk li għadhom xettiċi dwar l-Unjoni Ewropea, hu fatt li ħafna minn dawk li fil-passat kienu xettiċi, illum qed jaraw il-vantaġġi ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea. Qed jirrealizzaw li pajjiż waħdu ma jistax jimxi ‘l quddiem daqskemm jimxu’l quddiem kieku jkun f’unjoni mal-pajjiżi l-oħra tal-Ewropa.
Il-vot għal ħruġ mill-Unjoni Ewropea
Il-maġġoranza tal-votanti f’dan ir-referendum li sar fir-Renju Unit, iddeċidew li ħruġ mill-Unjoni Ewropea jkun ta’ vantaġġ. Il-mistoqsija hi waħda: fuq xiex ibbażaw din id-deċiżjoni? Kif għedt qabel, id-deċiżjoni hi waħda li tiddetermina l-futur tal-pajjiż, iżda kemm minnhom ħarsu ‘l quddiem lejn il-futur tagħhom u ta’ pajjiżhom?
Kemm kien hemm min ikkunsidra l-vantaġġi li ġġib magħha sħubija fl-Unjoni Ewropea. Iva, tagħti piż lill-esperjenza tal-passat, iżda trid tkun realistiku dwar il-vantaġġi li se tieħu fil-futur.
Wisq nibża’ li ħafna nies ivvutaw fuq il-bażi tal-lum mingħajr ma kkunsidraw, l-ewwel nett l-effett tad-deċiżjoni tagħhom fuq il-futur, u kif se jkun il-futur wara d-deċiżjoni li jridu jieħdu.
Ir-raġunar għal vot
Minhix bniedem prużuntuż u ma nqisx ruħi bħala espert f’dan il-qasam, iżda għandi opinjoni dwar x’wassal għal vot li kellna l-ġimgħa li għaddiet. Fl-opinjoni tiegħi, wieħed mill-fatturi, jekk mhux l-ikbar fattur, li ġiegħel lill-Brittanniċi jivvutaw b’dan il-mod kien l-immigrazzjoni.
Kienu ħafna dawk li semmew il-problema tal-immigrazzjoni bħala r-raġuni ewlenija – u din il-problema kienet maqsuma fi tnejn. Kellek l-element ta’ razza u multikulturaliżmu li ma jintgħoġobx minn kulħadd. Min-naħa l-oħra kellek l-element ta’ impjieg, fejn, skont huma, barranin qed jieħdu x-xogħol tal-Brittanniċi. Iżda finalment, din il-problema se tissolva bil-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea?
L-immigrazzjoni għall-impjiegi taħdem favur u kontra – dan għaliex bħalma barrani jista’ jmur fir-Renju Unit, l-istess possibbilta qiegħda hemm għal ħafna żgħażagħ Brittanniċi li jridu esperjenza barra minn pajjiżhom. Dan id-dritt se jkun imċaħħad. Immigrazzjoni irregolari, min-naħa l-oħra, hi isimha magħha – irregolari. Allura trid regoli u nfurzar biex tikkontrollaħa. Sħubija u le mal-Unjoni Ewropea mhux se twaqqaf l-immigrazzjoni irregolari.
Sadattant, f’Malta
F’Malta rajna reazzjoni tal-Prim Ministru jgħid li minkejja li ma xtaqx dan ir-riżultat, se jara li l-opportunitajiet li se jinħolqu għal Malta jiġu sfruttati. Filwaqt li nista’ nifhem il-punt li jrid jagħmel, u hu sew li jekk hemm opportunità tkun sfruttata, bħala Membru tal-Unjoni Ewropea, naħseb li ma kienx iż-żmien opportun li jagħti x’jifhem li se nieħdu vantaġġ mill-iżvantaġġi ta’ ħaddieħor.
Iżda l-iktar li laqatni hu l-fatt li meta mistoqsi dwar jekk hemmx il-possibbiltà li Malta wkoll toħroġ mill-Unjoni Ewropea, Joseph Muscat stess qal li mhux se jħalli lil Malta tagħmel suwiċidju.
Dan l-istess persuna li tant ħadem biex Malta ma tidħolx bħala Membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea. Hawn għandi mistoqsija sempliċi: jekk skont Joseph Muscat, li Malta toħroġ mill-Unjoni Ewropea jkun suwiċidju, meta hu ma riedx lil Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea kien qed jipprova jagħmel omiċidju?
//= $special ?>