Lokali

Sadeen mogħti l-liċenzja ta’ Università għall-proġett f’Malta b’numru ta’ kundizzjonijiet

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla offriet liċenzja ta’ Università lil Sadeen Group.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet ta’ aktar minn siegħa, iċ-Chairman tal-Kummissjoni Martin Scicluna elenka l-proċess ta’ skrutinju li sar, kemm fuq livell edukattiv kif ukoll fuq livell ta’ vijabbiltà finanzjarja.

Fi tmiem dan il-proċess, il-Kummissjoni qablet li toħroġ liċenzja ta’ Università lill-Grupp Ġordaniż. Madankollu, il-Kummissjoni imponiet xejn anqas minn 16-il kundizzjoni fuq Sadeen li, jekk ma jkunux rispettati, jirriżultaw fit-tneħħija tal-liċenzja.

Il-kundizzjonijiet jagħfsu fuq kriterji ta’ livell edukattiv u finanzjarju biex il-proġett jibqa’ wieħed vijabbli. Matul il-proċess, Sadeen Group intalab isib sieħeb ieħor li jista’ jagħmel xogħol ta’ ‘quality assurance’ fuq il-programmi edukattivi.

Dan wassal biex l-Università Ġordaniża ssieħbet ukoll ma’ Clemson University, li trid tagħmel awditjar tal-programmi edukattivi offruti. Spezzjonijiet għall-għarrieda se jsiru wkoll mill-Kummissjoni nnifisha biex tassigura li qed jiġu osservati l-kundizzjonijiet tal-liċenzja.

Ħafna mill-kundizzjonijiet imposti mill-Kummissjoni ġejjin mill-fatt li l-Grupp Ġordaniż hu bbażat fuq il-kostruzzjoni u proġetti ta’ turiżmu, filwaqt li m’għandu l-ebda esperjenza ta’ istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja.

Martin Scicluna ċaħad li kien hemm xi pressjoni biex Sadeen jingħata l-liċenzja ta’ Università qabel jiftaħ il-bibien tiegħu minflok ma jitħalla jaħdem bħala Istitut u jkompli jkabbar il-ħiliet tiegħu b’mod gradwali.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista nnota li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla mxiet fuq il-passi ddettati mill-Prim Ministru u tat il-liċenzja ta’ Università lill-kumpanija Sadeen.

Ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni Therese Comodini Cachia qalet li l-proċedura f’dan il-proċess saret kompletament bil-kontra ta’ kif suppost isiru dawn it-tip ta’ proċeduri. Minflok l-ewwel saret l-applikazzjoni, sar l-iskrutinju umbagħad ħarġet il-liċenzja, f’dan il-każ l-ewwel iddeċieda l-Prim Ministru waħdu, saret l-applikazzjoni, umbagħad ingħatat il-liċenzja. L-aġir tal-Prim Ministru tappan dan il-proċess.

Il-Partit Nazzjonalista sostna li l-Kummissjoni għandha ssegwi mill-qrib il-proċess li jmiss b’rabta ma’ Sadeen, b’mod speċjali l-kundizzjonijiet spefiċi li saru u li ġew ippreżentati llum, filwaqt li ma tħallix il-pressjoni politika min-naħa tal-Gvern tiddettalha l-ħidma.

Din il-Kummissjoni għandha r-responsabbiltà li tassigura li l-istandards edukattivi ta’ pajjiżna mhux talli ma jitbaxxewx, iżda jkomplu jogħlew, temmet tgħid l-istqarrija.