Il-Kummissjoni tal-Ippjanar fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar approvat permess ta’ żvilupp għal xogħolijiet ta’ restawr li għandhom jitwettqu fuq il-faċċata tal-Knisja ddedikata lil San Mark fir-Rabat.
Ix-xogħolijiet ta’ restawr se jinkludu t-tneħħija ta’ kull metall, ‘cables’ tal-dawl mejta u siment, filwaqt li jindirizzaw ukoll id-deterjorazzjoni tal-ġebel ikkawżat mill-elementi.
Ix-xogħolijiet se jsiru f’konformità mar-rapport dwar il-metodu ta’ restawr approvat u se jiġi segwit mill-Uffiċjali ta’ Konservazzjoni fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar. Ir-rapport dwar il-metodu ta’ restawr ġie approvat mis-Soprantendenza għall-Wirt Kulturali.
Il-kostruzzjoni tal-Knisja, ibbażata fuq disinn ta’ Girolomo Cassar, bdiet fl-1571 u tlestiet fl-1588. Għalkemm matul is-snin sar xi tibdil fid-disinn interjuri, l-istruttura oriġinali għadha dik ta’ Cassar.
Il-Knisja, li tifforma parti mill-Monasteru Agostinjan, hi mżejjna bil-portiku li jarrikkixxi l-faċċata armonjuża tagħha. Girolomo Cassar jidher li fassal il-faċċata ta’ din il-Knisja fuq eżempji ta’ Rinaxximent li kien espost matul l-istudju tiegħu f’Napli u f’Ruma.
Il-Knisja ddedikata lil San Mark fir-Rabat u l-Monasteru li jmiss magħha huma proposti biex jiġu skedati.