Lokali

Il-ħaddiema tal-Airmalta qed jinżammu fl-għama

Meta l-ħaddiema tal-Airmalta qed jiltaqgħu mar-rapreżentanti tal-Ministeru, mal-Gvern u mal-Management dwar il-futur tal-linja nazzjonali tal-ajru “mhu jintqal xejn fil-konkret” u l-ħaddiema mhux qed jiġu infurmati biżejjed.

Dan intqal fi stqarrijja maħruġa llum mir-rapprezentanti tal-ħaddiema ta’ l-Airmalta. Dawn il-ħaddiema iltaqgħu dalgħodu, u fid-diskussjonijiet ħareġ ċar illi qed jinżammu fil-għama dwar il-ftehim mal-Alitalia.

Il-ħaddiema qed jittamaw li rizultati konkreti jiġu spjegati kemm jista’ jkun malajr “għas-serħan tal-moħħ tal-ħaddiema”.

L-istess ħaddiema jridu li l-kundizzjonijiet u l-pagi jitjiebu bil-ftehim il-ġdid mal-Alitalia. Huma fakkru wkoll li l-Ftehim Kollettivi mal-Unions ilhom skaduti għal perjodu twil.