Reżoluzzjoni li se titressaq fil-Parlament Ewropew fil-jiem li ġejjin, mistennija tkun approvata b’emendi importanti li saru mill-MEP Therese Comodini Cachia.
Waqt sessjoni Plenarja fi Strassburgu tal-ġimgħa d-dieħla, il-Parlament Ewropew mistenni japprova mozzjoni għal riżoluzzjoni dwar kif l-Unjoni Ewropea għandha l-għan li tkompli timplimenta konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità.
“Din hija riżoluzzjoni dwar kif l-Unjoni Ewropea tista’ tiffaċilita l-ħajja tal-persuni b’diżabilità,” spjegat l-MEP Therese Comodini Cachia ma’ NETnews.com.mt.
Bħala Shadow Rapporteur tal-Partit Popolari Ewropew fil-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar il-Kultura u l-Edukazzjoni, l-MEP Therese Comidini Cachia ressqet numru ta’ emendi għal din ir-riżoluzzjoni bil-għan li l-Parlament Ewropew japprova reżoluzzjoni b’enfasi fuq id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità f’dak li għandu x’jaqsam mal-edukazzjoni u l-kultura.
Fost il-kontribut ta’ Therese Comodini Cachia għal din ir-riżoluzzjoni hemm il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tassigura li persuni b’diżabilità jkollhom aċċess sħiħ għall-oġġetti kulturali, kotba, kif ukoll għall-għodda diġitali li tiffaċilita l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità.
Ma’ NETnews.com.mt, il-Membru Parlamentari Ewropew spjegat li r-riżoluzzjoni tinkludi wkoll enfasi fuq l-edukazzjoni bl-iskop li s-sitema edukattiva ma tittimbra lil ħadd, waqt li tressqet ukoll emenda biex l-Unjoni Ewropea tiffaċilita aktar taħriġ għall-edukaturi bil-għan li joffru l-aqwa servizz lil persuni b’diżabilità.
Inklużjoni oħra fir-riżoluzzjoni tirrigwardja l-‘copyright’ u l-proposta li d-dritt tal-‘copyright’ ma jkunx estiż għal min ikun jixtieq jipprovdi kotba jew servizzi eżistenti b’format aċċessibbli għal persuni b’diżabilità.
Dan apparti enfasi fuq il-bżonn li l-Unjoni Ewropea tagħti l-għajnuna kollha neċessarja lil persuni b’diżabilità li jkunu jridu jgħixu fil-komunità. Dan bil-għan li s-soċjetà timxi ‘l bogħod minn sistema ta’ segregazzjoni.
Malta rratifikat il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’diżabilità fl-2012. Il-Konvenzjoni kienet ratifikata wkoll mill-Unjoni Ewropea b’mod kollettiv. Dan ifisser li kull liġi mfassla mill-Unjoni Ewropea għandha tkun magħmula b’mod li tirrispetta d-drittijiet li joħorġu minn din il-Konvenzjoni.
Il-ġimgħa d-dieħla, permezz tar-riżoluzzjoni li fuqha ħadmet l-MEP Therese Comidini Cachia, il-Parlament Ewropew mistenni japprova sett ta’ linji gwida li għandhom jassiguraw li l-Unjoni Ewropea tkompli timplimenta l-konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti bl-aqwa mod possibbli fl-interess tal-persuni b’diżabilità.
//= $special ?>