Ambjent

Jeħtieġ li jsir Masterplan għall-Imrieħel

Fid-dawl tal-fatt li l-inklużjoni tal-lokalità tal-Imrieħel fil-Floor-to-Area Ratio Policy saret minn wara dahar kulħadd, il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li l-Awtorità tal-Ippjanar ma tieħu ebda deċiżjoni dwar l-Imrieħel qabel ma jsir proċess ta’ konsultazzjoni serju u miftuħ dwar dan.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti wkoll li, kif ġara f’Paceville, jsir Masterplan li jindirizza b’mod ħolistiku l-impatti u l-bżonnijiet infrastrutturali tal-FAR Policy fuq l-Imrieħel, kif inhu mistenni minn Gvern li suppost iħares lejn l-ippjanar b’mod ħolistiku.

L-inklużjoni tal-Imrieħel fil-FAR Policy kien sar bla ebda konsultazzjoni serja, tant li l-Bord tal-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar kien sempliċiment infurmat li l-Imrieħel kien iddaħħal fiż-żona fejn jistgħu jinbnew torrijiet magħrufin bħala high rise buildings. Għall-mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni fil-Bord tal-MEPA, kien ġie żvelat li l-Imrieħel kien iddaħħal f’din iż-żona bi struzzjoni diretta tal-Gvern, u wara li l-proċess ta’ konsultazzjoni kien magħluq.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-Awtorità tal-Ippjanar tkun fl-aħjar pożizzjoni li tieħu d-deċiżjoni tagħha wara li jsir proċess ta’ konsultazzjoni fejn kulħadd ikollu ċ-ċans li jesprimi l-opinjoni tiegħu, kif jixraq f’deċiżjonijiet bħal dawn. Issa hu l-mument tal-prova tal-Gvern li jgħid li jisma’.