Għall-eks Prim Ministru Soċjalista Karmenu Mifsud Bonnici, il-Gvern Malti għandu jinjora lill-Unjoni Ewropea u jibda diskussjonijiet individwali mar-Renju Unit dwar ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi. Karmenu Mifsud Bonnici ddikjara dan f’konferenza tal-aħbarijiet f’isem il-Kampanja għall-Ħelsien Nazzjonali (CNI).
Karmenu Mifsud Bonnici qal li l-ħsieb tal-Unjoni Ewropea issa hu li jkun hemm ‘partnership’ bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit. Hu kkritika lill-Unjoni għall-fatt li mhijiex tħalli lill-pajjiżi membri jibdew diskussjonijiet individwali u informali mar-Renju Unit, iżda qed taċċetta li titkellem mal-Iskozja b’mod individwali.
L-eks Prim Ministru Soċjalista rrikonoxxa li waħda mir-raġunijiet li dwarha l-Ingliżi vvutaw biex joħorġu mill-Unjoni Ewropea kienet dwar il-libertà tal-moviment tal-persuni bejn pajjiż u ieħor. Madankollu, ir-Renju Unit ma jistax iċedi għal din l-impożizzjoni għax jidher ċar u diġà ddikjarat li l-Unjoni se tibqa’ tinsisti fuq dan il-prinċipju.
Karmenu Mifsud Bonnici sostna li, wara kollox, dak li seħħ fir-Referendum tal-ġimgħa li għaddiet kien kollu tort tal-Unjoni Ewropea u mhux tal-poplu tar-Renju Unit.
//= $special ?>