Lokali Unjoni Ewropea

“L-istabbilità għal pajjiżi żgħar bħal Malta hi priorià” – Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea

“Il-priorita’ numru wieħed tagħna hi li nassiguraw stabbilta’ finanzjarja fl-Unjoni Ewropea fosthom għal stati żgħar bħal Malta”.

Il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittivita’ Jyrki Katainen qal dan f’kummenti ma’ NETnews.com.mt fid-dawl tar-riżultat tar-referendum fir-Renju Unit.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-poplu Brittaniku vvota biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea, f’deċiżjoni li mal-ewwel ħasdet il-valur tal-Lira Sterlina u s-swieq finanzjarji internazzjonali.

Fil-kummenti tiegħu, Katainen spjega li r-rwol ewlieni tal-Kummissjoni Ewropea u tal-bqija tal-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea f’dan il-mument kruċjali huwa li l-istabbilita’ finanzjarja tkun salvagwardjata.

“Pajjiżi żgħar xi kultant ikunu aktar vulnerabbli minn oħrajn f’dak li għandu x’jaqsam mal-instabbilita’ tas-settur finanzjarju” spjega l-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea fil-kummenti tiegħu ma’ dan is-sit waqt li żied li l-Kummissjoni qed taħdem biex tassigura li l-ebda pajjiż ma jkollu jsofri minħabba r-riżultat tar-referendum fir-Renju Unit.