8.05pm Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil inawgura esebizzjoni b’għexieren ta’ oġġetti sportivi f’esebizzjoni ta’ memorabilia sportiva.
8pm Dr. Lucienne Attard tkellmet dwar id-doping u rrimarkat li fadal xogħol xi jsir biex titnissel kultura aktar b’saħħitha kontra d-doping. Min-naħa tagħha, Dr. Danica Bonello Spiteri tkellmet dwar l-esperjenza tagħha bħala sportiva u tabiba b’karriera fl-isport.
7.30pm Bdiet it-tielet u l-aħħar parti mill-ewwel sessjoni ta’ din il-Konferenza Nazzjonali. It-tema tat-tieled diskussjoni hija “l-isport joffri ħajja b’saħħitha” u qed jipparteċipaw Dr. David Attard, Dr. Danica Bonello Spiteri u Dr. Lucienne Attard.
7.25pm Claire Ciantar, żagħżugħha li tiprattika l-basketball tkellmet dwar id-diffikulta’ li ż-żgħażagħ normalment isibu biex jipprattikaw l-isports minħabba l-ħinijiet tal-Universita’ u l-edukazzjoni. “Jekk tkun tipprattika l-isports f’team, mhux faċli li tmur tipprattika tard filgħaxija wara l-ħin tal-Universita’”, ammettiet Claire, li rrimarkat li ż-żgħażagħ iridu jlaħħqu mhux biss mal-edukazzjoni iżda anke ma’ impjiegi part-time. Apparti li tipprattika l-isports, Claire Ciantar timmudella u tkanta iżda qalet li hemm żgħażagħ li huma nieqsa mid-determinazzjoni li jżidu l-isports fl-iskeda tal-ġurnata tagħhom.
7.15pm F’diskussjoni dwar l-isports għall-anzjani, għaż-żgħażagħ u għall-persuni b’diżabilita’, Frans Spiteri tenna li ma jistax isib kliem biżżejjed biex jiddeskrivi kemm hu bżonnjuż u ta’ ġid l-isports. “Nibda l-ġurnata bl-isports u mhux bil-kolazzjon” qal Frans Spiteri, anzjan ta’ 67 sena li ilu għal dawn l-aħħar sitt snin jipprattika l-powerlifting.
7pm Wara numru ta’ interventi mill-membri tal-pubbliku, tibda diskussjoni dwar l-isports għall-anzjani, għaż-żgħażagħ u għall-persuni b’diżabilita’. F’din id-diskussjoni qed jipparteċipaw Frans Spiteri u Claire Ciantar.
6.50 Nicolai Bugeja, student li temm l-istudji fil-livell sekondarju, tkellem dwar l-importanza li t-tagħlim akkademiku jkun ikkumplimentat mit-tagħlim sportiv. Nicolai Bugeja rrimarka li l-edukazzjoni akkademika mhux qed tħalli biżżejjed spazju għall-edukazzjoni sportiva. “Lezzjoni tal-isports darba f’ġimgħa mhux se tħalli daqstant beneffiċji daqs kemm l-isports jista’ potenzjalment joffri” qal Nicolai Bugeja.
6.45pm Andrew Decelis, edukatur tal-isports, tkellem dwar l-importanza li t-tagħlim dwar l-isports jingħata sa’ minn eta’ żgħira b’mod li jnissel valuri tajbin, “L-istudenti jibqgħu jġorru magħhom esperjenzi kemm pożittivi kif ukoll negattivi. It-tagħlim tal-isports m’għandux ikun b’mod li jgħallem biss kif tkun kompetittiv u kif tkun aktar b’saħħtek minn ħaddieħor, iżda għandu jsir b’mod li jiżviluppa l-karattru tal-atleta b’mod tajjeb”.
6.40pm David Azzopardi rrimarka dwar il-mod kif l-edukazzjoni fl-isports inbidel matul iż-żmien iżda fakkar li fadal ħafna xi jsir dwar il-mod kif l-isports għandu jitwassal għand it-tfal. “Fil-klassi jkollok tfal li jidhru aħjar minn oħrajn, waqt li jkollok dawk b’inqas abilitajiet u kordinazzjoni. Għaldaqstant irridu naraw fejn se jwassalna l-isports biex ma tinħoloqx diskrepanza” żied David Azzopardi.
6.35pm L-ewwel diskussjoni, dwar l-edukazzjoni fl-isport, tinkludi l-parteċipazzjoni ta’ David Azzopardi, Andrew Decelis u Nicolai Bugeja – tlett persuni li jirrappreżentaw tlett ġenerazzjonijiet differenti.
6.30pm Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-iSports David Agius iffoka l-intervent tiegħu dwar il-mod ħolistiku kif għandu jkun magħmul il-pjan biex tissaħħaħ il-kultura tal-isports f’pajjiżna. David Agius fakkar li jeħtieġ li biex dan iseħħ, ikun hemm ħidma fil-qrib mal-Gvern u l-entitajiet sportivi.
Filwaqt li elenka numru ta’ modi kif il-Partit Nazzjonalista qed ikun proattiv fil-qasam sportiv, enfasizza dwar l-importanza li tkun miġġielda l-korruzzjoni fl-isports. Awgura li l-Konferenza Nazzjonali twassal għal pjan konkret dwar il-futur tal-isports f’pajjiżna.
6.20pm L-ewwel intervent isir minn Adrian Mifsud, il-President tal-Konferenza Nazzjonali.
Jgħid li wieħed mill-għanijiet tal-Konferenza Nazzjonali għandu jkun li naraw kif pajjiżna jista’ jimxi ‘l quddiem biex jagħmel suċċess akbar fl-isports. Il-kultura sportiva f’pajjiżna għandha tibda minn kmieni fil-ħajja, sostna Adrian Mifsud, li ġab eżempju bil-mod ta’ kif l-Islanda qed tagħti eżempju ta’ kif pajjiż żgħir jista’ jimxi ‘il quddiem.
6:15pm Il-preżentatur sportiv Charles Camenzuli jiftaħ il-Konferenza Nazzjonali organizzata mill-Partit Nazzjonalista “Insaħħu l-Kultura Sportiva f’Pajjiżn”.
//= $special ?>