Lokali

Malta sors u destinazzjoni għal traffikar ta’ persuni

Malta hija sors u destinazzjoni għal nisa u tfal vittmi ta’ traffikar għal skop ta’ sess u anke destinazzjoni għal nisa u rġiel li huma traffkati bl-iskop li jkunu sfruttati fuq il-post tax-xogħol.

Saħaq dan rapport ippublikat mid-Dipartiment tal-Istat Amerikan, li għamel analiżi dettaljata tas-sitwazzjoni f’numru ta’ pajjiżi fosthom Malta. Ir-rapport jgħid li dawk traffikati għal skop ta’ sess kienu ġejjin miċ-Ċina, l-Ungerija, l-Polonja, r-Rumanija, r-Russja u l-Ukrajna. Filwaqt li dawk traffikati bl-iskop li jkunu sfruttati fuq postijiet tax-xogħol kienu ġejjin l-aktar miċ-Ċina, l-Indoneżja u l-Vietnam.

Ir-rapport jisħaq li l-Gvern ta’ Malta ma jilħaqx il-kriterji minimi tal-istandards biex jeleminaw t-traffikar ta’ persuni. Fil-waqt li jsemmi dak li qed isir bħala pajjiż, dan ir-rapport jgħid li hemm ħafna x’irid isir biex tkun ikkontrollata l-problema.

Fost oħrajn dan ir-rapport jikkritika ċ-ċaqliq frekwenti f’dipartimenti li jinvestigaw dawn it-tip ta’ abbużi għaliex mhux jieħdu t-taħriġ meħtieġ.