“Tgħaffiġa sħiħa” fost il-Kunsilliera Lokali tal-Partit Laburista f’Raħal Ġdid wasslet biex f’numru ta’ toroq tal-lokalità, f’dawn il-jiem dehru ammont sostanzjali ta’ boroż tal-iskart mitluqa wara l-bibien tar-residenti.
Minn informazzjoni li kiseb NETnews.com.mt jirriżulta li din is-sitwazzjoni oriġinat meta l-Kunsill Lokali ddeċieda li ma jġeddidx il-kuntratt tal-kumpanija li tiġbor l-iskart u ħareġ tender ġdid għal dan is-servizz u għall-knis tat-toroq.
Wara li laqqa’ l-Bord tal-Għażla, il-Kunsill Lokali mar għal għażla politika ta’ persuna qrib ħafna l-Partit Laburista.
Fil-fatt, is-sorsi li tkellmu ma’ NETnews.com.mt fissru l-qasma li oriġinarjament kien hemm fost il-Kunsilliera Laburisti, li wħud minnhom riedu li l-lokalità tibqa’ tuża’ s-servizzi tal-kuntrattur li kellhom u oħrajn riedu lill-kuntrattur il-ġdid.
Madankollu, ladarba ssejħet il-laqgħa tal-Kunsill biex tittieħed id-deċiżjoni finali, il-Kunsilliera Laburisti kienu taħt pressjoni minn esponenti tal-Partit Laburista biex jintgħażel il-kuntrattur il-ġdid.
F’dan l-istadju, dak li kien ikkuntrattwat biex jiġbor l-iskart appella d-deċiżjoni wara li informazzjoni li waslitlu tgħid li l-kuntrattur il-ġdid ma jistax jibda s-servizz għalissa għax għadu qed jistenna ‘scamel’ jasal minn barra. Dan hekk kif il-kumpanija diġà għandha numru ta’ rotot oħra f’lokalitajiet differenti.
Barra minhekk, jirriżulta li l-kuntrattur il-ġdid rebaħ it-tender minkejja li l-valur tiegħu kien €30,000 ogħla mill-eks kuntrattur. Madankollu, il-Bord tal-Għażla ġab l-iskuża li l-kuntrattur il-ġdid għandu kriterji ambjentali aħjar. Skont skema ta’ punti użata mill-Bord, il-kuntrattur il-ġdid rebaħ b’biss żewġ punti aktar.
Dan kollu wassal biex il-maġġoranza tal-Kunsilliera Lokali Laburisti nqabdu f’paniku u ppruvaw iġeddu l-kuntratt ta’ dak li waqqfulu s-servizz ftit tal-ġimgħat ilu biss. Kien hawn li dan ma aċċettax li jġedded il-kuntratt temporanjament biex jipprovdi dan is-servizz għal xahrejn biss.
//= $special ?>