It-turisti li se jżuru r-resorts Franċiżi dan is-sajf se jaraw il-pulizija armati fuq il-bajjiet. Dan meta l-awtoritajiet qed iżidu l-miżuri tas-sigurtà għal waqt l-istaġun tas-sajf.
Uffiċjali tal-pulizija CRS għal kontra l-irvellijiet – li qabel kienu jużaw biss il-lembubi u l-manetti – minn issa ’l quddiem se jkunu permessi li jġorru armi tan-nar għall-ewwel darba. Se jkun hemm ukoll l-ilbies bulletproof għad-dispożizzjoni tal-pulizija huma u jagħmlu r-ronda fuq il-bajjiet.
Il-miżura ttieħdet wara li kap tal-pulizija Franċiża (li ma kienx armat) u s-sieħba tiegħu nqatlu minn raġel armat b’sikkina fiz-zona tar-residenza tagħhom, barra Pariġi. Il-grupp ISIS kien assuma responsabbiltà għall-attakk li xpruna dibattitu, fi Franza, dwar jekk il-membri tal-korp u qawwiet tas-sigurtà għandhomx iġorru l-armi ‘wara l-ħin tax-xogħol’.
Franza għadha fi stat ta’ emerġenza wara l-attakki terroristiċi ta’ Novembru, mill-ISIS, li kienu ħallew 130 mejtin fil-qalba ta’ Pariġi. Intant, żdied l-inkwiet dwar is-sigurtà fir-resorts sajfin ta’ Franza, mindu membru tal-ISIS, is-sena l-oħra, wettaq massakru ta’ turisti fir-resort ta’ Port El Kantaoui (viċin ta’ Sousse) fit-Tuneżija.
Pulizija armati fuq il-bajjiet Franċiżi
