Ambjent Lokali

Simon Busuttil f’laqgħa mal-bdiewa fiż-Żebbiegħ

Is-settur agrikolu kien diskuss f’laqgħa li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kellu ma’ numru ta’ bdiewa li għandhom l-għelieqi tagħhom fiż-Żebbiegħ.

Matul il-laqgħa mal-bdiewa, Simon Busuttil tkellem dwar l-isfidi li qed jffaċċja s-settur, fosthom dik tal-kompetizzjoni mal-prodotti importati. Il-bdiewa enfasizzaw it-tjubija tal-prodott Malti u l-importanza li l-biedja Maltija tissaħħaħ ħalli l-konsumatur ikun offrut prodotti tal-aqwa kwalità.

Mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, il-bdiewa tkellmu wkoll dwar il-fondi tal-Unjoni Ewropea għas-settur tal-biedja, filwaqt li appellaw biex ikun garantit li dawn il-fondi jmorru għand bdiewa li verament ikunu qed jikkontribwixxu għall-produzzjoni tal-prodott agrikolu u mhux jintefqu fuq proġetti li huma sekondarji għas-settur agrikolu.

Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem ta prijorità lis-settur tal-biedja, tant li qed jitkellem mal-bdiewa biex ikompli jaġġorna l-politika tiegħu ħalli tkun dejjem aktar tirrifletti l-ħtiġijiet fis-settur.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Agrikoltura u s-Sajd Toni Bezzina.