- “Favur pjan konkret għall-futur tal-isport f’Malta” – David Agius, Kelliem tal-PN dwar l-iSport
Il-bżonn li f’pajjiżna jkun hawn pjan konkret dwar il-futur tal-isport f’Malta kien il-messaġġ ewlieni tal-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-iSport David Agius hekk kif ilbieraħ filgħaxija kien qed jiftaħ il-Konferenza Nazzjonali “Insaħħu l-Kultura Sportiva f’Pajjiżna” organizzata mill-Partit Nazzjonalista.
Waqt il-Konferenza Nazzjonali, li qed titmexxa minn Adrian Mifsud u li tkompli f’dan it-tmiem il-ġimgħa, David Agius tkellem dwar l-importanza ta’ dan il-pjan ħolistiku biex tissaħħaħ il-kultura tal-isport f’pajjiżna.
Il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista fakkar li dan il-pjan jeħtieġ sforz kollettiv bejn dawk kollha involuti fil-qasam sportiv. “Jeħtieġ ħidma fil-qrib mal-Gvern u l-entitajiet sportivi kollha” sostna David Agius filwaqt li elenka numru ta’ modi kif il-Partit Nazzjonalista qed ikun proattiv fil-qasam sportiv.
David Agius fakkar dwar l-importanza li pajjiżna jutilizza t-talenti sportivi kollha biex kulħadd jikkontribwixxi fil-qasam sportiv.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Konferenza Nazzjonali Adrian Mifsud fakkar li wieħed mill-għanijiet tal-Konferenza Nazzjonali għandu jkun li wieħed jara kif pajjiżna jista’ jimxi ‘il quddiem biex jagħmel suċċess akbar fl-isport. “Il-kultura sportiva għandha tibda minn kmieni fil-ħajja,” sostna Adrian Mifsud, li ġab eżempju bl-Islanda biex jelenka l-mod kif anke pajjiż żgħir jista’ jagħmel suċċess fl-isport.
Intant, fi tmiem l-ewwel jum tal-Konferenza Nazzjonali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil inawgura esebizzjoni b’għexieren ta’ oġġetti ġejjin mill-qasam sportiv Malti. F’kelmtejn tal-okkażjoni, Simon Busuttil elenka l-importanza tat-tisħiħ tal-kultura sportiva f’Malta u tenna l-impenn tal-Partit Nazzjonalista f’dan it-tisħiħ. Filwaqt li żied li jeħtieġ li l-kultura sportiva tissaħħaħ anke bħala mezz għal stil ta’ ħajja sana.
Għall-ewwel jum tal-Konferenza Nazzjonali attenda wkoll is-Segretarju Parlamentari għall-Isports Chris Agius.
“It-tfal għandu jkollhom tlett kwarti ta’ sport kuljum” – diskussjoni dwar l-edukazzjoni u l-isport
L-ewwel tema diskussa kienet dwar l-edukazzjoni u l-isport, bil-parteċipazzjoni tal-edukaturi sportivi David Azzopardi u Andrew Decelis, kif ukoll ta’ Nicolai Bugeja, student li temm l-istudji sekondarji.
“Fil-klassi jkollok tfal li jidhru aħjar minn oħrajn, waqt li jkollok dawk b’inqas abilitajiet u kordinazzjoni. Għaldaqstant irridu naraw fejn se jwassalna l-isport biex ma tinħoloqx diskrepanza” saħaq David Azzopardi li tkellem dwar l-importanza li jiżdied il-ħin tat-tagħlim sportiv fl-iskejjel.
L-istess messaġġ twassal minn Nicolai Bugeja li tkellem dwar l-importanza li t-tagħlim akkademiku jkun ikkumplimentat mit-tagħlim sportiv. Nicolai Bugeja rrimarka li l-edukazzjoni akkademika mhux qed tħalli biżżejjed spazju għall-edukazzjoni sportiva. “Lezzjoni tal-isport darba f’ġimgħa mhux se tħalli daqstant beneffiċji daqs kemm l-isport jista’ potenzjalment joffri” qal Nicolai Bugeja.”
Min-naħa tiegħu, Andrew Decelis tkellem dwar l-importanza li t-tagħlim dwar l-isport jingħata sa’ minn eta’ żgħira b’mod li jnissel valuri tajbin. “L-istudenti jibqgħu jġorru magħhom esperjenzi kemm pożittivi kif ukoll negattivi. It-tagħlim tal-isport m’għandux ikun b’mod li jgħallem biss kif tkun kompetittiv u kif tkun aktar b’saħħtek minn ħaddieħor, iżda għandu jsir b’mod li jiżviluppa l-karattru tal-atleta b’mod tajjeb”.
“Nibda l-ġurnata bl-isport mhux bil-kolazzjon” – Anzjan ta’ 67 sena
F’diskussjoni dwar l-isport għall-anzjani, għaż-żgħażagħ u għall-persuni b’diżabilita’, Frans Spiteri tenna li ma jistax isib kliem biżżejjed biex jiddeskrivi kemm hu bżonnjuż u ta’ ġid l-isport. “Nibda l-ġurnata bl-isport u mhux bil-kolazzjon” qal Frans Spiteri, anzjan ta’ 67 sena li ilu għal dawn l-aħħar sitt snin jipprattika l-powerlifting.
Claire Ciantar, żagħżugħha li tiprattika l-basketball tkellmet dwar id-diffikulta’ li ż-żgħażagħ normalment isibu biex jipprattikaw l-isport minħabba l-ħinijiet tal-Universita’ u l-edukazzjoni. “Jekk tkun tipprattika l-isport f’team, mhux faċli li tmur tipprattika tard filgħaxija wara l-ħin tal-Universita’”, ammettiet Claire, li rrimarkat li ż-żgħażagħ iridu jlaħħqu mhux biss mal-edukazzjoni iżda anke ma’ impjiegi part-time. Apparti li tipprattika l-isport, Claire Ciantar timmudella u tkanta iżda qalet li hemm żgħażagħ li huma nieqsa mid-determinazzjoni li jżidu l-isport fl-iskeda tal-ġurnata tagħhom.
“Il-ġenituri tiegħi dejjem ħeġġewni nagħmel l-isport, iżda oħrajn jarawh bħala ħela ta’ ħin” qalet Claire, b’indikazzjoni li l-ġenituri għandu jkollhom irwol fil-bidla tal-mentalita’ dwar il-kultura sportiva.
Waqt din id-diskussjoni pparteċipat ukoll Rita Darmanin li tkellmet dwar il-Frame Football, li jipprovdi opportunita’ għall-persuni b’abilitajiet differenti sabiex jingaġġaw fl-isport permezz ta’ stil differenti ta’ futbol li jagħmilha possibbli biex kulħadd ikun jista’ jipparteċipa fl-isport.
“L-isport joffri ħajja b’saħħitha”
Waqt diskussjoni dwar il-mod kif l-isport joffri ħajja b’saħħitha, Dr. David Attard ġibed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn “kultura sportiva” u “eżerċizzju fiżiku”. “Jeħtieġ li nitkellmu dwar l-eżerċizzju fiżiku u mhux dwar il-kultura sportiva biss” sostna David Attard, li żied li l-eżerċizzju fiżiku huwa ċ-ċavetta għall-prevenzjoni tal-mard.
Dr. Lucienne Attard tkellmet dwar id-doping u rrimarkat li fadal xogħol xi jsir biex titnissel kultura aktar b’saħħitha kontra d-doping.
Min-naħa tagħha, Dr. Danica Bonello Spiteri tkellmet dwar l-esperjenza tagħha bħala sportiva u tabiba b’karriera fl-isport.