Edukazzjoni Lokali

Xogħol esebit tal-Istudenti tal-Media fl-MCAST fil-Mosta

miktub minn George Aquilina

Din is-sena l-istudenti tal-Media fl-Istitut tal-Arti Kreattiva fl-MCAST se jippreżentaw ix-xogħol tagħhom f’attività li ta’ kull sena tattira bosta nies. Din is-sena, l-istudenti kellhom jagħmlu filmat mużikali bil-lingwa Maltija. Il-proġett kien b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Malti fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni.

L-għan ta’ dan il-proġett hu biex nagħtu aktar importanza lil-lingwa Maltija u biex l-istudenti tal-Iskejjel Sekondarji madwar Malta jieħdu l-lezzjoni tal-Malti b’aktar interess.

L-istudenti għażlu wħud mill-aqwa kantanti stabbiliti f’pajjizna biex flimkien jaħdmu dawn il-filmati mużikali. Fost il-kantanti hemm Corazon Mizzi, Karen DeBattista, Marie Claire Attard, Joseph Refalo, Kantilena, Michela Galea, il-mibki Sammy Bartolo u ohrajn.

Ta’ kull sena, l-MCAST torganizza l-esebizzjoni bix-xogħol tal-istudenti. Il-Ħadd, 3 ta’ Lulju se tittella din l-esebizzjoni, fejn se jintwera x-xogħol tal-istudenti tal-Media. Fil-fatt, il-filmati mużikali se jintwerew għall-ewwel darba fis-Sala tal-MCAST, fl-Istitut tal-Arti Kreattiva fil-Mosta mill-10am ‘il quddiem.

Fost il-mistednin se jkun hemm ir-Rappreżentant mid-Dipartiment tal-Malti David Muscat flimkien mal-Lettur Ian Attard, li ħa ħsieb dan il-proġett, kif ukoll il-kantanti kollha li ħadu sehem.

Fil-5pm se jsir Forum, fejn se jiġu mistiedna personalitajiet fix-xena tal-media lokali, kif ukoll bosta attivitajiet oħra, fosthom “360 Music Video”, dimostrazzjoni mill-istudenti fl-istudio tat-televiżjoni tal-Istitut, kif ukoll esperjenza “Drive in”, attività ċinematografika fil-miftuħ, li se ssir l-ewwel darba f’pajjiżna.