Żewġ membri tal-Pulizija jweġġgħu waqt li pruvaw iferqu argument bejn tlieta minn nies f’Bormla.
Għall-ħabta tal-ħamsa neqsin għaxra tal-Ġimgħa, numru ta’ Pulizija ssejħu biex imorru fuq il-post fl-inħawi magħrufa bħala s-sur ta’ San Pawl f’Bormla, fejn sabu li s-sitwazzjoni kienet waħda kalma. Iżda f’dak il-mument tliet persuni kollha residenti Bormla, reġgħu bdew jargumentaw. Waqt li l-membri tar-Rapid Intervention Unit pruvaw iwaqqfu l-argument, żewġ membri tal-Pulizija intlaqtu fis-saħna tal-mument.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-membri tal-Pulizija l-isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Minkejja li l-Pulizija ġew iċċertifikati li sofrew feriti gravi, huma ma jinsabux fil-periklu tal-mewt.
It-tliet persuni, li l-etajiet tagħhom huma ta’ 18, 24 u 29 sena, qed jinżammu arrestati mill-Pulizija.
L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.
Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna vjolenza fuq uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija
B’referenza għall-inċidenti li seħħew ilbieraħ f’Bormla, l-Partit Nazzjonalista jikkundanna bl-aktar mod kategoriku kull tip ta’ vjolenza fuq uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija. Il-membri tal-Korp tal-Pulizija jaqdu dmirhom b’serjetà u integrità kbira fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi, u m’għandhom qatt jispiċċaw vittmi ta’ vjolenza minn min ma jkunx irid iżomm l-ordni.
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li mill-Oppożizzjoni, f’din il-leġiżlatura, ressqet emendi fil-liġi biex jiħraxu l-pieni f’każijiet ta’ vjolenza fuq uffiċjali tal-Pulizija. F’dan is-sens, il-Partit Nazzjonalista jinsisti li ssir f’ġustizzja f’kull każ ta’ vjolenza fuq Pulizija, nkluż fil-każ tal-bieraħ.
Il-Partit Nazzjonalista jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-Pulizija li sfaw vittmi tal-vjolenza, kif ukoll mal-qraba tagħhom, waqt li jawguralhom fejqan ta’ malajr.
//= $special ?>