Internazzjonali

Eluf jipprotestaw kontra li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea

Eluf ta’ nies, immarċjaw f’Londra biex jipprotestaw kontra l-vot tal-ġimgħa l-oħra favur il-Brexit. Vot Li fih il-maġġoranza tal-Britanniċi  iddeċidew li jitilqu mill-Unjoni Ewropea permezz ta’ referendum storiku.

Id-dimostrazzjoni March for Europe, li kienet organizzata fuq il-media soċjali, riedet twassal il-messaġġ li r-referendum ma rriflettiex il-vera fatti dwar l-Ewropa u li l-kampanja favur it-tluq tar-Renju Unit mill-UE kienet mimlija b’misinformazzjoni’.

Il-folol fil-kapitali, li kienu jinkludu familji u Britanniċi minn kull settur tas-soċjetà, imxew minn Park Lane lejn Parliament Square fejn esprimew inkwiet dwar x’għandu jfisser il-Brexit għar-Renju Unit.

Sadanittant, in-nies li attendew esprimew rabja għal kif tmexxiet il-kampanja biex ir-Renju Unit itemm l-isħubija fl-UE, bin-nies anki qed ikunu frustrati ‘dwar in-nuqqas ta’ vera tmexxija wara l-vot’.

Il-Britanniċi huma wkoll imdejqin ‘dwar il-gideb ippreżentati mill-kamp tal-Leave’ u d-diżgwid preżenti fost il-poplu. Id-dimostranti qed jittamaw , issa, li d-deputati parlamentari jirrealizzaw ‘li t-tluq tal-pajjiż mill-UE mhux verament dak li jrid il-poplu’.