Lokali

Għall-Partit Nazzjonalista, l-ewwel interess hu dak nazzjonali

Għall-Partit Nazzjonalista, l-ewwel interess hu dak nazzjonali, imbagħad l-interess tal-partit, u fl-aħħar l-interess personali. Bil-kontra, f’diversi każi, l-Prim Ministru jpoġġi l-interess nazzjonali fl-aħħar post fid-deċiżjonijiet li jieħu.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista waqt li kien qed jindirizza seminar tal-kandidati għall-elezzjoni ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. Simon Busuttil irrefera għal kliem il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel, li waqt is-summit tal-Partit Popolari Ewropew aktar kmieni din il-ġimgħa – li għalih attenda l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil – qalet li fil-politika, l-politiku għandu dejjem ipoġġi l-ewwel l-interess nazzjonali, t-tieni l-interess tal-partit politiku u t-tielet l-interess personali tiegħu.

Merkel kienet qed titkellem dwar id-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ barra mill-Unjoni Ewropea, u qalet li din hija tagħlima għal kulħadd. Dwar id-deċiżjoni tar-Renju Unit, Simon Busuttil qal li r-riżultat tar-referendum għandu jiġi rispettat, filwaqt li fakkar li l-argumenti li saru mill-kamp li kkampanja biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea kienu diġà saru f’Malta minn Joseph Muscat.

Simon Busuttil qal li l-Prim Ministru Malti huwa populist, u rrefera b’mod partikolari għar-reazzjoni tiegħu wara l-Brexit, fejn bagħat messaġġi konfużi, għaliex fuq naħa insinwa li qed jaqbel mad-deċiżjoni tal-poplu tar-Renju Unit, u fl-istess ħin qal li huwa suwiċidju li Malta toħroġ mill-Unjoni Ewropea. “Il-messaġġ tal-Prim Ministru huwa populist. Muscat jiddeskrivi lilu nnifsu bħala eurorealist, l-istess kif jagħmlu Boris Johnson, David Cameron u Nigel Farage,” qal Simon Busuttil. Hu sostna li post Malta hu f’Unjoni Ewropea b’saħħitha u magħquda, u qal li l-aħħar 12-il sena huma esperjenza biżżejjed biex jiprovaw dan.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li anke fl-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi, l-Prim Ministru mhux ipoġġi l-interess nazzjonali fuq quddiem. Anke fl-iskandlu ta’ Alfred Mifsud, l-Prim Ministru mhux ipoġġi l-interess nazzjonali bħala prijorità meta mhux biss iħallieh Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, iżda talli kien Alfred Mifsud li rtira l-kandidatura tiegħu u mhux il-Prim Ministru.

Fid-dawl tal-ħatra ta’ Mario Vella bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, l-Prim Ministru għal darb’oħra qed iġib l-interessi partiġġjani u personali qabel dawk nazzjonali. Hu fakkar li l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni biex il-persuna nominata għal din il-kariga tidher quddiem Kumitat Parlamentari, xi ħaġa li l-Gvern webbes rasu u irrifjuta. Hu fakkar ukoll li l-Partit Nazzjonalista mpenja lilu nnifsu biex malli jkun fil-Gvern, dawn it-tip ta’ ħatriet fuq livell nazzjonali, bħall-President u l-Kummissarju tal-Pulizija, jinħatru b’maġġoranza ta’ żewġ terzi fil-Parlament.

Fi tmiem id-diskors tiegħu, Simon Busuttil reġa’ emfażizza li kull politiku dejjem irid ipoġġi l-ewwel l-interess nazzjonali.