Internazzjonali

Ikomplu t-tentattivi biex Corbyn jitwarrab minn Kap Laburista

Membri tas-shadow cabinet Laburista fir-Renju Unit qegħdin ifasslu pjani biex iħajjru lil Jeremy Corbyn jirriżenja minn kap tal-partit.

Dan kien żvelat mill-programm Newsnight tal-BBC u issa qed jingħad li d-deputati parlamentari inkwistjoni jridu jwasslu għal kompromess li jippreserva parti mill-politika ewlenija ta’ Corbyn – dejjem jekk hu jispiċċa minn Kap.

L-editur politiku ta’ Newsnight qal li d-deputati Laburisti kienu qed iħejju skeda li tippermetti biex Corbyn ‘jirtira b’ammont ta’ dinjità’. Dan wara li laħqu rriżenjaw ħafna membri tas-shadow cabinet, u wara li d-deputati parlamentari Laburisti, jiem ilu, għaddew vot ta’ sfiduċja fil-kap tal-partit.

Jeremy Corbyn qed ikun ikkritikat ferm għall-kontribut nofs-qalb tiegħu lill-kampanja biex ir-Renju Unit ikompli bħala membru fl-Unjoni Ewropea. Iżda hu, għalissa, ma jridx jirriżenja għaliex iqis dan il-pass bħala ‘tradiment lill-membri tal-partit li eleġġewh Mexxej’, proprju s-sena l-oħra.