Lokali

Il-koperattivi huma kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku, ambjentali u soċjali

Illum, it-2 ta’ Lulju 2016, il-koperattivi kollha madwar id-dinja qed jiċċelebraw il-Jum Internazzjonali tal-Koperattivi bit-tema ‘Koperattivi: Is-setgħa biex taġixxi għal futur sostenibbli’.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista f’isem il-Kelliem tan-Negozji ż-Żgħar, l-Manifattura, l-Kummerċ, is-Self Employed u l-Koperattivi Robert Arrigo jemmen li l-koperattivi huma msieħba importanti biex jinkisbu l-miri għal żvilupp sostenibbli, kif stabbilit minn-Nazzjonijiet Uniti, b’miri ċari sal-2030. Dan qed isir għaliex il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-koperattivi jrawwmu d-demokrazija, jħaddnu l-prattika tal-inklużjoni soċjali u joperaw b’għożża l-ambjent. Dan minbarra l-fatt li l-koperattivi jkollhom impatt sinifikanti fuq l-ekonomija.

Fil-25 ta’ Settembru li għadda, bħala parti minn aġenda ġdida ta’ żvilupp sostenibbli, n-Nazzjonijiet Uniti addottat sett ta’ 17-il mira ambizzjużi biex fil-15-il sena li ġejjin, jintemm il-faqar, tiġi protetta l-pjaneta mit-tibdil fil-klima, u tiġi garantita ugwaljanza u l-inklużjoni soċjali għal kulħadd.

Illum, il-moviment koperattiv dinji qed jimpenja ruħu biex jagħti kontribut għas-suċċess ta’ dawn il-miri tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Partit Nazzjonalista kommess li, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell Ewropew, ikompli jagħti l-kontribut xieraq lis-soċjetà biex jitwettqu dawn il-miri.

Bla dubju, l-Partit Nazzjonalista jifforma parti integrali minn din l-istrateġija globali, u qed jaħdem bi ħġaru għal kisba ta’ sostenibbilità ekonomika, soċjali u ambjentali f’Malta, u għalhekk jikkontribwixxi għal dawn l-għanijiet komuni li llum qed iħaddan il-moviment koperattiv dinji.