Internazzjonali

Ir-Reġina Eliżabetta ‘tħeġġeġ għall-kalma’ fl-Iskozja

Ir-Reġina Eliżabetta tar-Renju Unit inawgurat formalment il-ħames sessjoni tal-Parlament Skoċċiż, f’Holyrood (zona ta’ Edinburgh), fejn irrikonoxxiet ‘id-diffikultà li wieħed iżomm kalm f’dinja li qed tipproduċi dejjem aktar sfidi ġodda’.

Hi, fl-istess ħin, ħeġġet biex il-kapijiet politiċi jieħdu d-deċiżjonijiet bil-għaqal ‘u wara riflessjoni xierqa’, filwaqt li wissiet li l-iżviluppi politiċi importanti jistgħu jseħħu minn ġurnata għall-oħra.

Dan kien l-ewwel diskors ewlieni tar-Reġina mindu r-Renju Unit ivvota biex jinħall mill-Unjoni Ewropea wara sħubija li kienet ilha mill-bidu tas-snin sebgħin.

Ir-riżultat tal-Brexit, intant, xpruna sejħiet għal referendum ġdid għal Skozja indipendenti, meta l-Iskoċċiżi qed jiffaċċjaw il-prospett li joħorġu mill-UE minkejja li huma vvutaw bi 62 kontra 38 fil-mija biex ikomplu fl-Unjoni.

Tkellmet ukoll l-Ewwel Ministru tal-Iskozja, Nicola Sturgeon, li qalet li ‘d-deputati parlamentari Skoċċiżi huma determinati li jieħdu l-opportunità biex jibnu Skozja aħjar’. Sturgeon, li qed tagħmel minn kollox biex iżżomm l-Iskozja fl-UE, sostniet ukoll l-Iskozja qed tinsisti biex tibqa’ ‘pajjiż miftuħ u inklussiv għal kulħadd’.