Internazzjonali

L-elezzjoni fl-Awstralja: Inċertezza qabel ir-riżultat

L-elezzjoni għall-Parlament tal-Awstralja qed tidher miftuħa għal kull riżultat, meta fis-sigħat preċedenti kien għaddej l-għadd tal-voti. Għaldaqstant, hu diffiċli ħafna biex wieħed ibassar ir-rebbieħ finali.

Mhux ċar jekk il-Partit Liberali, li hu l-akbar partit fil-koalizzjoni li tinkludi l-Partit Nazzjonali tal-Awstralja, jinsabx qrib li jikseb is-76 siġġu li jeħtieġ fil-kamra t’isfel tal-Assemblea, għal maġġoranza. Jekk il-Liberali jfallu mit-tragward ikunu jridu l-appoġġ ta’ partiti żgħar u indipendenti biex huma jżommu l-poter.

Dan ukoll meta l-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni mhux se jikseb biżżejjed siġġijiet biex jifforma Gvern. Madankollu, il-Laburisti tjiebu fuq ir-riżultat elettorali tal-2013 fejn kienu kisbu 55 siġġu fil-kamra t’isfel tal-Parlament. L-indikazzjonijiet, huma li l-Laburisti, din id-darba, marru tajjeb fl-Istati ta’ Tasmania u New South Wales.

‘Il fuq minn 10 miljun Awstraljan tefgħu l-vot, il-bieraħ, minbarra erba’ miljuni oħra li kienu vvutaw qabel. Din l-elezzjoni tiddeċiedi l-150 siġġu (kollha) fil-Kamra tar-Rappreżentanti, jew il-kamra t’isfel tal-Parlament Awstraljan, flimkien mas-76 membru tas-Senat – il-kamra ta’ fuq tal-Parlament.