Lokali

L-isport hu kruċjali biex ikollna pajjiż bl-aqwa kwalità tal-ħajja

L-isport huwa ingredjent importanti mir-riċetta ta’ identità, inklużjoni u stil tal-ħajja b’saħħtu li hu fil-qalba tal-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għall-ġejjieni ta’ pajjiż li jkollu l-aqwa kwalità tal-ħajja possibbli.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista waqt il-ftuħ tal-wirja ta’ memorabilja tal-isports fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista f’Tal-Pietà lbieraħ filgħaxija. Simon Busuttil irringrazzja lill-assoċjazzjonijiet sportivi kollha li pprovdew dawn il-memorabilia, kif ukoll lill-individwi li ħarġu t-tifkiriet għeżież għalihom mill-kollezzjonijiet tagħhom biex jingħaqdu flimkien.

Simon Busuttil qal li l-isport hu magħmul mill-isportivi li taw u jagħtu kontribut lill-isport Malti u allura huma parti mill-binja tal-identità Maltija. Hu sostna li l-wirja bil-ħafna esebiti fiha turi kemm hawn interess fi sport Malti u barrani, ħafna minnu Ewropew.

Simon Busuttil irringrazzja wkoll lil TimSportPN li jaħdem mhux biss biex jorganizza dawn it-tip ta’ wirjiet u konferenzi nazzjonali, iżda jaħdem ukoll fit-tfassil tal-policies dwar l-isport.

Il-wirja tal-memorabilja, li tkun miftuħa illum s-Sibt u anke għada l-Ħadd bejn id-09:00 u s-13:00, hija parti mill-Weekend Sportiv li qed jorganizza l-Partit Nazzjonalista fid-Dar Ċentrali. Ilbieraħ ukoll nfetħet il-Konferenza Nazzjonali dwar l-Isport bit-tema ‘Insaħħu l-Kultura Sportiva f’Pajjiżna’. Il-Konferenza Nazzjonali tkompli llum fid-09:30 kif ukoll b’Ċerimonja ta’ Rikonoxximent Sportiv u diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil għada l-Ħadd fl-10:00.