Lokali

L-MPA ma taqbilx li tispiċċa l-Akkademja tal-Pulizija

Filwaqt li tappoġġja il-prinċipju u l-ħsieb tal-Gvern li joħloq akkademja ta’ taħriġ għall-erba’ korpi dixxiplinati f’Malta, l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija (MPA) għandha tħassib dwar il-mod kif dan se jsir fil-prattika.
F’position paper b’reazzjoni għall-Abbozz ta’ Liġi li jwaqqaf akkademja għat-taħriġ tal-Membri tal-Forzi Dixxiplinati, elenkat numru ta’ punti li għandha tħassib dwarhom. L-MPA issostni li filwaqt li f’dawn l-aħħar snin, l-element akkademiku kien assenti, dan ma jfissirx li t-titlu ta’ Akkademja tal-Pulizija għandu jintrema.
L-MPA qalet ukoll li l-erba’ korpi dixxiplinati – il-Pulizija, l-Armata, il-Protezzjoni Ċivili u l-Gwardjani tal-Ħabs – għandhom rekwiżiti tekniċi, tattiċi, legali u operazzjonali li huma distinti minn xulxin għajr għal xi ftit funzjonijiet żgħar. Dan jagħmilha diffiċli biex jintlaħaq l-għan ewlieni tal-Gvern f’din l-akkademja komuni, li hu l-użu massimu ta’ riżorsi fil-qsim ta’ taħriġ, tagħmir u tattiċi.
Dak li jgħodd għall-Pulizija ma jgħoddx għall-Armata jew għall-Protezzjoni Ċivili u l-Gwardjani tal-Ħabs.
Fid-dawl ta’ dan kollu, l-MPA ma tħossx illi sabiex issir strateġija edukattiva u akkademika, jiġi abolit it-titlu ta’ Akkademja tal-Pulizija u minflok ikun hemm ħallata ballata ta’ membri ta’ Korpi dixxiplinati diversi taħt titlu ta’ akkademja waħda. Id-differenzi u d-diversitajiet bejn il-Korpi dixxiplinati hu fatt li minnu nnifsu jitlob dipartimenti separati li jħaddni kulturi u kwalitajiet ta’ kull Korp rispettivament.
Għaldaqstant, l-MPA qed tħeġġeġ lill-Gvern biex isiru l-emendi meħtieġa fl-abbozz sabiex jiġi assigurat li l-eżistenza tal-Akkademja tal-Pulizija tibqa’ hemm indipendentement mit-twaqqif ta’ din l-istituzzjoni edukattiva għall-Korpi dixxiplinati.