Lokali

“Lejn dittatorjat sottili?” – SĦPN

Dak li għaddejin minnu l-ħaddiema tal-Gvern f’diversi entitajiet fiċ-Ċivil huwa tat-tħassib u ta’ min jistmerru. Dan għalxiex ħaddiema li jkunu esprimew ruħhom fuq is-social media u b’xi mod ikunu kkritikaw jew tkellmu kontra l-Gvern qed ikunu imsejjħa mill-kapijiet tagħhom u jiġu imwiddba!

Dan qed jiġri mhux għax ikunu esprimew ruħhom waqt il-ħin tax-xogħol. Qed iseħħ ukoll jekk l-impjegati fil-ħin liberu tagħhom il-bogħod mix-xogħol jesprimu ruħhom jew jikkumentaw fis-social media kontra xi miżura tal-Gvern!

SĦPN taqbel li jekk hemm social media policy din trid tkun rispettata minn kulħadd. U meta ngħidu minn kulħadd, letteralment nifhmu minn Kullħadd, ibda min-nies li hemm jaħdmu ġewwa l-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja, kompli mill-Aġent Kummissarju tal-Pulizija għal Kapijiet ta’ Dipartimenti u entitajiet li bl-ebda mod ma jiddejqu jikkumentaw u jfaħħru l-Gvern anke waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom.

Dan kollu juri biċ-ċar li l-Gvern għandu strateġija li joħnoq il-liberta’ tal-espressjoni. Għalkemm din tidher bħala xi ħaġa esaġerata, din ġa bdiet isseħħ. Il-każ tal-billboards tal-PN huwa każ ċar. Jidher li hemm nies imqabbdin apposta biex isegwu lill-kollegi tagħhom u jirrapurtaw dwar dak kollu li jgħidu u jiktbu fuq is-social media. Li tesprimi ruħek huw dritt fundamentali ta’ kull wieħed u waħda minna. F’pajjiżi dittatorjali bħal Korea ta’ Fuq u l-Ażerbajġan, in-nies ma jistgħux jesprimu ruħhom kontra l-Gvern!

SĦPN tħeġġeġ lill-ħaddiema li filwaqt li jirrispettaw ir-regolamenti dwar kif jużaw is-social media, ma jibżgħux jesprimu ruħhom fuq kull suġġett li jħossu li għandhom jitkellmu. Ħadd mhu se jagħqilna ħalqna. Irridu niġġieldu biex dakli gaħndna nibżgħu għalih u ma nħallu lil ħadd inaqqrilna mill-liberta’ li dan il-pajjiż għex fiha għal dawn l-aħħar tletin sena. Soċjeta’ tirnexxi u timxi l’quddiem jekk ikun hemm tixrid u qsim ta’ informazzjoni. Min għandu l-intenzjoni sabiex f’pajjiżna ma jkunx hawn diskussjoni sejjer żbaljat. SĦPN tħeġġeġ għalhekk biex kull tip ta’ intimidazzjoni jew kontroll fuq dak li ngħidu jkunu rrapurtati minnufih.