Kultura Lokali Sport

LIVE: It-tieni ġurnata tal-Konferenza Nazzjonali “Insaħħu l-Kultura Sportiva f’Pajjiżna”

Illum tkompli l-Konferenza Nazzjonali, bit-tema “Insaħħu l-Kultura Sportiva f’Pajjiżna”. Aġġornamenti live mit-tieni ġurnata tal-konferenza mid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista:

 

1:13pm: It-tieni ġurnata tal-Konferenza Nazzjonali bit-tema ‘Insaħħu l-Kultura Nazzjonali f’Pajjiżna’ tasal fi tmiema, minkejja li d-diskussjoni fost l-isportivi preżenti fis-sala tkompli fuq skala informali. Ċertament li din l-konferenza kienet pjattaforma ta’ opportunita’ fejn il-persuni li għandhom għal qalbhom l-isport f’pajjiżna setgħu iwasslu leħinhom.

1:03pm: Jitkellem issa ċ-Chairman tal-TimSportPN Adrian Mifsud, fejn irringrazzja lil dawk kollha preżenti fis-sala tal-parteċipazzjoni tagħhom, partikolarment lill-voluntiera li għenu biex tittella’ din il-konferenza fid-Dar Ċentrali. Tkellem dwar l-importanza tal-ispunti li ħarġu minn din il-konferenza, u l-enfasi fuq kif flimkien nistgħu nelbu l-ostakli kollha li jżommu l-isport lura f’pajjiżna. Hemm bżonn li naħsbu għall-pjan fit-tul.

12:55pm: ‘Rapport tal-workshop L-Isport Professjonali’ – Ir-rapporteur Kenneth Vella stqarr li hemm bżonn kemm faċilitajiet u kemm l-fondi sabiex l-assoċjazzjonijiet jimxu l’ quddiem u jagħmlu l-pass neċessarju biex inkunu nistgħu nikkompetu ma’ barra. Eżempju ċar hu l-Motorsports, fejn il-Maltin dejjem jiksbu suċċessi barra minn xtutna, iżda hawn Malta m’għandhomx fejn jipprattikaw dan l-isport.

12:47pm: ‘Rapport tal-workshop Kummerċjalizazzjoni u l-Infrastruttura fl-Isport’ – Ir-rapporteur tal-grupp Marie Therese Cuschieri, tkellmet dwar l-importanza li jekk il’ quddiem isiru avvanzi fil-kummerċjalizazzjoni, importanti li mhux issir distinzjoni kbira bejn l-isport li hu popolari, u l-isport li għandu bżonn aktar promozzjoni. Rigward infrastruttura, saħqet li hawn Malta hawn bżonn imbuttatura dwar faċilitajiet aktar adekwati.

12:37pm: ‘Rapport tal-workshop L-Isport joffri Ħajja b’Saħħitha’ – Ir-rapporteur David Grech stqarr li rridu nibdew ninkoraġġixxu lit-tfal tagħna minn etajiet żgħar sabiex nistabilixxu ħajja sana, li tidħol fir-rutina tal-kultura Maltija li apparti l-impenji ta’ ħajjitna, nsibu ħin li fih nagħmlu eżerċizzju.

12:25pm: ‘Rapport tal-workshop l-Isport għall-Anzjani, iż-Żgħażagħ u l-Persuni b’Diżabilita’  – Ir-rapporteur tal-grupp Claire Ciantar saħqet li hu importanti li jiġu promossi l-opportunitajiet ta’ diversi dixxiplini ta’ sport fosthom, frame football u frame basketball fost diversi punti oħrajn.

12:18pm: ‘Rapport tal-workshop Edukazzjoni fl-Isport’ – Ir-rapporteur Lara Tonna stqarret l-importanza li nħeġġu l-Edukazzjoni Fiżika fl-iskejjel Maltin, daqs suġġetti oħra. Jekk l-edukazzjoni tgħallem lit-tfal mill-bidu nett tkompli tħeġġeġ ħajja sportiva minn ċkunithom. Minbarra li jżommok fiżikament b’saħħtek, l-isport jgħallmek ċertu soft skills, li t-tfal jibqgħu japplikawhom tul ħajjithom. Importanti wkoll li fl-iskejjel jiġu reklamati bosta dixxiplini tal-isport.

11.42am: L-pubbliku preżenti fis-sala jinqasam fi gruppi f’workshops biex jiddiskutu suġġetti individwali. It-temi tal-workshops u l-persuni inkarigati li se jmexxu huma:
– L-Edukazzjoni fl-Isport : Josette Camilleri
– L-Isport għall-Anzjani, iż-Żgħażagħ u l-Persuni b’Diżabilita’ : Joe Woods
– L-Isport joffri Ħajja b’Saħħitha : Charles Camenzuli
– Il-Kummerċjalizazzjoni u l-Infrastruttura fl-Isport : Chris Bonett
– L-Isport Professjonali : Sandro Micallef

11.41am: Tintemm id-diskussjoni dwar l-isport professjonali.

11:34am: Kummenti mill-pubbliku preżenti waqt din il-Konferenza Nazzjonali ikomplu jisħqu dwar l-importanza li ż-żgħażagħ Maltin jingħataw l-opportunita’ li jmorru għall-esperjenza barra minn pajjiżna, sabiex ikomplu jikbru fl-esperjenza. Iżda kontrargument li tqajjem kien, li jekk nesportaw lill-plejers Maltin barra minn pajjiżna inkunu qegħdin nitilfu t-talent lokali u l-kampjonati Maltin jonqsu fil-livell.

11:20am: Stephen Azzopardi stqarr li rridu nagħmlu qabża, u biex issir professjonali ma tridx tkun li tmur barra minn Malta. Irridu nipprovdu ambjent fejn atleta jista’ jsir professjonali anke ġewwa pajjiżna. Hemm bżonn ta’ mentalita’ li wieħed ikun jaf li jista’ jkollu l-isport bħala l-professjoni tiegħu.

11:13am: Sophie Abela, plejer tal-basketball, tkellmet dwar kemm hi diffiċli biex persuna żgħażugħa jkollha professjoni fl-isport. Kieku żgħażugħa tmur tilgħab barra minn pajjiżna jkollha l-opportunita’ li tiffoka biss fuq dak l-isport partikolari u tkompli titjieb, iżda jekk tillimita ruħek f’Malta jkollok tinqasam fuq l-istudju u xogħol, apparti l-isport tal-basketball. Anke l-livell ta’ kompettivita’ hi ħafna għola barra.

11:07am: Zach Muscat, plejer man-nazzjonal Malti tal-futbol u jilgħab ma’ Arezzo fl-Italja, tkellem dwar kemm hi diffiċli biex plejer Malti ikollu esperjenza barra minn pajjiżna. Innota wkoll, li problema fil-mentalita’ Maltija hi, li mal-ewwel kif titlaq minn Malta aħna nippretendu li mal-ewwel nispiċċaw nilgħabu fl-għola diviżjonijiet f’pajjiżi oħra.

11:04am: Stevie Camilleri, plejer tal-waterpolo ma’ Neptunes WPSC, tkellem dwar kemm kienet importanti l-esperjenza tiegħu li ħa l-ewwel edukazzjoni tiegħu fl-isport barra minn Malta. Stqarr illi l-fatt illi ommu hi ta’ nazzjonalita Ingliża, hi apprezzat l-importanza tal-isport u kemm imbutattu biex jimxi wara l-ħolma tiegħu. B’dispjaċir innota li l-mentalita’ Maltija fuq l-isport għadha kemmxejn lura.

11:01am: Stephen Azzopardi, kowċ ta’ Sliema Wanderers FC, stqarr li s-soluzzjoni ta’ kollox ma hijiex il-flus, minkejja li hi importanti ħafna, iżda l-ewwel ħaġa li għandha ssir hi li tinbidel l-attitudni u l-mentalita’ tas-soċjeta’ Maltija.

10:58am: Il-ġurnalist sportiv Charles Camenzuli jintorduċi l-panel il-ġdid dwar l-isport professjonali. F’dan il-panel se jieħdu sehem Stevie Camilleri plejer tal-waterpolo, Sophie Abela plejer tal-basketball, Zach Muscat plejer tal-futbol, u Stephen Azzopardi kowċ tal-futbol.

10:56am: Tiġi fi tmiema d-diskussjoni dwar l-kummerċjalizazzjoni u l-infrastruttura fl-isport.

10:43am: Konrad Sultana stqarr li hemm bżonn li jkollna nies li lesti li jaħdmu llum fl-isports biex il-frott minn dik il-ħidma jitgawda  bejn għaxar u ħmistax-il sena oħra. Konrad Sultana reġa’ qajjem l-eżempju tal-Islanda, fejn fis-settur tal-futbol il-ħidma kienet ilha li bdiet snin ilu, u llum l-ġurnata dik il-ħidma qed tagħti r-riżultati tagħha, tant li popolazzjoni ta’ ftit aktar minn 300,000 irnexxilhom jaslu sal-Kwarti tal-Finali tal-Euro 2016. Dan minħabba li r-ristrutturazzjoni tal-faċilitajiet sportivi ilhom li bdew jaħdmu fuqhom, u ħeġġew liż-żgħażagħ tagħhom jieħdu ħajja professjonali fl-isport.

10:32am: Id-diskussjoni tal-panel dwar is-suġġett tal-kummerċjalizazzjoni u l-infrastruttura tal-isport issa ddur dwar il-mentalita’ tas-soċjeta Maltija dwar l-isport. Chris Bonett stqarr, li f’pajjiżna, minflok naraw x’se nagħmlu u noħorġu b’ideat ġodda sabiex nkunu innovattivi, l-assoċjazzjonijet u l-klabbs tagħna jogħqodu jibku is-sitwazzjoni tagħhom li m’hemm ħadd min jgħinhom. Hu stqarr li hemm bżonn li din tinbidel. Tkellem kif l-Islanda kienu ta’ eżempju matul il-kampjonat tal-Euro 2016 għal Malta.

10:28am: Konrad Sultana stqarr li hemm bżonn li r-riżorsi hemm bżonn jiġu allokati biex jinkoraġixxu u jagħtu aktar opportunitajiet lill-atleta. Hemm bżonn li jinħoloq ambjent biex l-atleta jikber fl-isports, per eżempju li jkollu ambjent li jkun konċentrat fuq l-isport tiegħu u jingħata finanzjament adekwat. Il-problema fundamentali hi li ż-żgħażagħ jafu li m’hemmx futur kif wieħed jista jieqaf mill-iskola, u jiffoka fuq l-isport u jieħu ħajja professjonali sportiva.

10:24am: Il-Viċi President tal-MFA, Chris Bonett qal li għandna bżonn il-kummerċjalizazzjoni tal-isport, u huwa vitali għal kull klabb. Stqarr li l-problema hi l-problema biex tattira l-isponsors, trid trodd xi haġa lura lil dik l-entita’ kummerċjali, billi trodd lura reklam. Din hija problema kbira, għax mhux kull sport għandu l-privileġġ li hu espost bl-istess mod mal-pubbliku.

10:20am: Matthew Bonello, il-President tal-klabb tal-waterpolo tan-Neptunes, qal li klabb isib problema kbira mal-istrutturi finazjarji, fosthom il-banek.

10:17am: Dr Marie Therese Cuschieri tistqarr li mhux kull sport sar ikkumerċjalizzat, u dan iżomm lura l-finanzjament ta’ diversi sport. Kompliet li jekk assoċjazzjoni m’għandix post allokat fejn tista’ tippratika l-isport, aħseb u ara kemm tista’ tikkumerċjalizza l-isport tagħha.

10.15am: Charles Camenzuli jistieden lill-panel għad-diskussjoni dwar il-kummerċjalizaazzjoni u l-infrastruttura fl-isport. F’dan il-panel ta’ diskussjoni hemm: Dr Marie Therese Cuschieri, Konrad Sultana, Matthew Bonello u Chris Bonett.

10.04am: Is-Segretarju Parlamentari għall-Isports Chris Agius jindirizza lin-nies preżenti fis-sala. Fid-diskors tiegħu Chris Aguis stqarr li f’Malta għandna problema ta’ spazju, fejn eżempju ċar hu li l-akbar żewġ klabbs tal-futbol f’Malta, Birkirkara u l-Belt Valletta, għadhom sal-llum mingħajr grawnd tal-futbol. Stqarr, li fis-setturi l-oħra tal-isport fost l-oħrajn il-Judo, il-Basketball, it-Tiġrijiet taż-Żwiemel, Sparar u diversi setturi oħra; hemm bżonn li jsiru aktar investimenti sabiex fejn m’hemmx post adekwat jinstab wieħed fejn jista’ jiġi prattikat l-isport, fejn hemm issir ristrutturazzjoni. Is-Segretarju Parlamentari tkellem ukoll li hemm bżonn li l-ġenituri jħeġġu lit-tfal sabiex jippratikaw l-isports.

10.02am: Iċ-Chairman ta’ TimSportPN, Robert Ebejer, jagħmel id-diskors tiegħu fejn stqarr li l-għan ta’ din il-konferenza hi li tinħoloq kuxjenza f’pajjiżna, fejn forsi fil-futur viċin naraw l-isport Malti jimxi aktar il-quddiem sabiex naraw lill-Maltin jeċċellaw fis-setturi rispettivi tagħhom fl-isport.

10.00am: Jiftaħ it-tieni ġurnata tal-Konferenza Nazzjonali l-ġurnalist sportiv Charles Camenzuli, fejn stqarr li t-tema tal-llum se tkompli tibni fuq id-diskussjoni tal-bieraħ.