Lokali

Monument bix-xbieha ta’ Anġlu Kustodju f’ Ta Xbiex

Fl-isfond tas-swar li jirrappreżenta d-difiża mill-għadu fl-imgħoddi, fi żmien sena, fil-marina ta’ Ta’ Xbiex, għandu jitwaqqaf monument fil-forma ta’ kolonna fuq stil klassiku li fuqha se jkun hemm xbieha ta’ Anġlu Kustodju jżomm ħamiema f’idejh f’dak li qed jitqies messaġġ ta’ paċi u prosperità.

Il-proġett kien żvelat f’konferenza tal-aħbarijiet li saret eżattament fil-post fejn se jsir dan il-monument. Dan il-monument se jkun parti minn katina ta’ monumenti oħrajn li jinsabu f’34 post differenti madwar id-dinja fosthom fir-Russja, fl-Istati Uniti, fl-Ungerija, fi Franza
Dwar dan il-proġett tkellem fid-dettall l-artist ta’ fama internazzjonali mir-Russja Petr Stronsky, il-moħħ wara din l-inizjattiva dinjija. It-tul tax-xbieha tal-anglu se jkun ta’ tliet metri u nofs, waqt li se tkun magħmula mill-bronż b’induratura tad-deheb.
Il-proġett qed isir bis-sehem ta’ għadd ta’ sponsors li qed jiffinanzjaw din l-inizjattiva li tlaħħaq mal-€250,000. Petr Stronsky ħabbar ukoll li x-xbieha tal-anġlu mistennija tasal Malta f’Novembru li ġej.

Hu semma wkoll li dan il-proġett kien diskuss ukoll mal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca f’laqgħa li kellu magħha nhar il-Ġimgħa li għadda fejn kienu diskussi wkoll diversi inizjattivi oħra fil-qasam tal-arti u l-kultura.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll minn Max Zammit, Sindku ta’ Ta’ Xbiex fisser dan il-proġett bħala wieħed ambizzjuż u ta’ attrazzjoni f’port naturali bal dak fejn hemm il-jott marina.

L-aħħar proġett bħal dan sar f’Cannes fi Franza, u wara dak ta’ Malta, mistenni jsir wieħed f’Los Angeles.