Lokali Sport

“L-isport huwa prijorità politika għall-Partit Nazzjonalista” – Simon Busuttil

L-isport se jkun prijorita politika ta’ Gvern Nazzjonalista. L-isport u l-istil ta’ ħajja sana huwa parti mill-viżjoni tiegħi għal kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.

Kien dan l-impenn tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt id-diskors tiegħu li ġab fi tmiemha ċ-ċerimonja ta’ rikonoxximent lil numru ta’ persuni li taw kontribut siewi għall-qasam sportiv f’pajjiżna.

Matul id-diskors tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li se jkun qed jitlob lill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Isport David Agius biex, wara li jisma’ lill-assoċjazzjonijiet sportivi, jara liema huma l-avvenimenti sportivi internazzjonali li pajjiżna jista’ jospita fis-snin li ġejjin u jpoġġi miri ċari u realistiċi biex jintlaħaq dan il-għan.

Il-Kap tal-PN fakkar li fl-aħħar amministrazzjoni Gvern Nazzjonalista wettaq mhux inqas minn 60 proġett sportiv li jissarrfu f’medda ta’ proġett sportiv kull xahar. Fakkar ukoll fil-proposta ta’ liġi għal stil ta’ ħajja sana li ressaq il-Partit Nazzjonalista mill-Oppożizzjoni li llum saret liġi.

Simon Busuttil qal li l-infrastruttura sportiva għandha tkun parti integrali mill-proċess ta’ riġenerazzjoni taż-żoni diġa mibnija.

Lejn tmiem id-diskors tiegħu, il-Kap tal-PN Simon Busuttil saħaq li jixtieq jara enfasi partikolari fuq spazji miftuħa f’kull lokalità li jkunu jinkludu attrezzaturi sportivi; bini ta’ faċilitajiet għal tipi ta’ sport li ma għandhomx biżżejjed faċilitajiet; l-allokazzjoni ta’ art lill-għaqdiet sportivi u għall-prattika ta’ sport ġdid; pjan nazzjonali għall-użu tar-roti fit-toroq u iktar inċentivi u għajnuniet għall-assoċjazzjonijiet u għall-atleti.