Internazzjonali

Lejn aktar inċertezza politika fl-Awstralja

Se jkollhom jgħaddu diversi ġranet sakemm ikun magħruf ir-riżultat tal-elezzjoni fl-Awstralja. Elezzjoni li fiha ebda partit ma jidher li kiseb maġġoranza biex ikun jista’ jiggverna biha.
Dan wara li 12 mill-150 siġġu fit-Tieni Kamra tal-Parlament baqgħu ma tteħdux u se jkun hemm bżonn l-għadd tal-voti postali li jsir nhar it-Tlieta. Skont il-Kummissjoni Elettorali Awstraljana, il-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni kiseb 71 siġġu filwaqt li l-Liberali Nazzjonali kisbu 65 siġġu.
Is-sorpriża f’din l-elezzjoni kien ir-riżultat tajjeb miksub mill-indipendenti u partit żgħir.
Osservaturi qed ibassru tliet possibbiltajiet mill-elezzjoni ta’ tmiem il-ġimgħa, li huma maġġoranza żgħira għall-Prim Ministru u kap tal-Partit Liberal Nazzjonali, Malcolm Turnbull jekk is-siġġijiet f’dubju jmorru għandu, Parlament staġnat fejn ebda partit ma jkollu maġġoranza inkella bħala soluzzjoni aħħarija, elezzjoni ġenerali oħra.
Il-voti għas-76 siġġu fis-Senat mistennija jitħabbru wara diversi ġimgħat oħra.
L-Awstralja ilha għaddejja minn Gvernijiet instabbli minn mindu fl-2010 Julia Gillard neħħiet il-kollega Laburista tagħha, Kevin Rudd, minn Prim Ministru.