Tħabbret il-mewt ta’ Elie Wiesel, li kien salva mill-kampijiet ta’ konċentrament Nazista u rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Paċi. Hu kellu 87 sena.
Hu miet fl-Istati Uniti fejn kien mar jgħix fis-snin sittin u eventwalment sar ċittadin.
Wiesel kien kiseb fama bil-kitba tiegħu dwar l-esperjenza tiegħu taħt in-Nazisti u biex l-atroċitajiet li wettqu ma jintesewx. Fil-kampijiet tal-konċentrament Nazisti hu kien tilef lill-ġenituri u oħtu ż-żgħira.
Mal-aħbar tal-mewt tiegħu, il-President Barack Obama qal li Wiesel kien wieħed mill-ilħna morali ewlenin ta’ żminijietna.
Wiesel twieled fir-Rumanija fl-1928 imma ta’ 15-il sena kien deportat lejn il-kamp ta’ konċentrament ta’ Auschwitz flimkien mal-familja tiegħu.
Ommu u oħtu ż-żgħira mietu f’Auschwitz filwaqt li missieru fil-kamp ta’ Buchenwald imma tnejn minn ħutu bniet kien irnexxielhom isalvaw. Tul ħajtu hu kiteb aktar minn 60 ktieb.
Miet Elie Wiesel, rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Paċi
