Lokali Sport

Rikonoxximent lil persuni li taw kontribut imprezzabbli fil-qasam sportiv

Mhux inqas minn 16-il persuna li taw kontribut imprezzabbli fil-qasam sportiv f’pajjiżna ingħataw rikonoxximent għall-ħidma tagħhom waqt ċerimonja organizzata minn Tim Sport PN taħt it-tmexxija tal-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Isport David Agius.

Iċ-ċerimonja ta’ rikonoxximent, li kienet ippreżentata minn Christian Micallef u Clarissa Schembri, kienet il-qofol ta’ konferenza nazzjonali dwar l-isport li kienet mifruxa fuq jumejn. Dawk kollha li żaru d-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista matul dawn il-jumejn kellhom ukoll l-opportunità li jaraw wirja ta’ memorabilja sportiva.

Fost dawk li ingħataw rikonoxximent kien hemm l-amministratturi sportivi Carmel Bartolo u Dr Herbert Messina Ferrante li t-tnejn li huma ħadmu fuq livell amministrattiv fil-futbol u lil Fr Lawrence Essery li huwa magħruf fil-qasam tal-atletika. Ingħata wkoll rinkonoxximent lil Mario Meli, Manuel Gauci, Willie Vassallo u Alex Vella għall-ħidma tagħhom fil-qasam tal-ġurnalizmu sportiv.

Il-qasam tar-refeeering f’pajjiżna wkoll kien rikonoxxut permezz tal-unuri li ingħataw lir-referee tal-isnooker Terry Camilleri u lir-referee tal-basketball Manuel Mangani.

Id-dixxiplini sportivi minuri ingħataw prominenza f’din iċ-ċerimonja bir-rikonoxximent jingħata lil Pierre Tonna rebbieħ ta’ 5 titli mondjali fil-kickboxing u lil Michael Bonnici u Simon Axiaq li t-tnejn għamlu isem fil-qasam tas-sajd.

Fost dawk li x-xogħol tagħhom ma tantx jiġi rikonoxxut f’avvenimenti bħal dawn hemm il-persuni li jagħtu sehem dirett fil-manutenzjoni tal-faċilitajiet sportivi. Fiċ-ċerimonja organizzata minn Tim Sport PN ingħata rikonoxximent lil Joe Azzopardi responsabbli mill-pitch tal-ħaxix fejn jintlagħbu għadd ta’ partiti tal-futbol u lil Michael Camilleri li jieħu ħsieb il-pitch fejn isir it-taħriġ. Persuna oħra li ingħatat rikonoxximent f’din it-taqsima hija Charles Spearing li jamministra l-pixxina ta’ Żonqor Point fejn ikunu organizzat il-logħob tal-waterpolo u l-kompetizzjonijiet tal-għawm.

Rikonoxximent partikolari li ingħata kien lil Louis Agius – il-moħħ wara s-South End Core li huwa grupp ta’ supporters li jagħtu s-support tagħhom lit-tim nazzjonali Malti tal-futbol u lil timijiet oħrajn ta’ Malta waqt logħob internazzjonali.

Iċ-ċerimonja kienet indirizzata minn David Agius il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Isport li kien il-moħħ wara din il-konferenza nazzjonali flimkien ma’ Tim Sport PN. Huwa tkellem dwar l-importanza li tissawwar kultura sportiva f’pajjiżna u dwar il-ħtieġa li l-Gvern u l-Oppożizzjoni jingħaqdu flimkien biex ifasslu politika sportiva f’pajjiżna.

David Agius sellem ukoll lid-Deputat Robert Cutajar li kien preżenti għaċ-ċerimonja u li kien responsabbli mill-organizzazzjoni tal-ewwel konferenza nazzjonali dwar l-Isport li organizza Tim Sport PN.

Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li għamel diskors fl-għeluq taċ-ċerimonja, iż-żewġ Viċi Kapijiet Mario De Marco u Beppe Fenech Adami, is-Segretarju Ġenerali Rosette Thake u numru ta’ uffiċjali u deputati tal-Partit Nazzjonalista tal-Partit Nazzjonalista.