Il-kumpanija privata tal-‘air charters’ ibbażata f’Malta, AirX, ġiet fdata mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali biex twassal it-Torċa Olimpika fl-ewwel parti tal-vjaġġ internazzjonali, segwit mad-dinja, li jilħaq il-qofol tiegħu fiċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Olimpjadi 2016 f’Rio de Janeiro.
It-Torċa Olimpika tinsab fi vjaġġ ta’ tliet xhur u nofs, li beda mill-post li fih twieldu l-Olimpjadi (Olympia) u qed tivvjaġġa f’diversi bliet u gżejjer fil-Greċja u fl-Iżvizzera qabel tasal fid-destinazzjoni finali tagħha fil-Brażil, li qed jospita l-Olimpjadi 2016.
L-ewwel ċerimonja saret f’Olympia f’Ateni, fil-21 ta’ April, li matulha nxtegħlet it-Torċa. Din imbagħad bdiet il-ġirja ‘relay’ tagħha ta’ sebat ijiem madwar il-Greċja. L-ewwel wieħed li ġarr it-Torċa f’Ateni kien Ibrahim Al-Hussein, refuġjat Sirjan li tilef parti minn riġlu tal-lemin f’attakk bil-bombi fl-2012. Hu ġarrha f’isem ir-refuġjati kollha u għadda mill-kampijiet tar-refuġjati u l-immigranti f’Eleonas.
L-AirX ingħatat il-kuntratt biex twassal it-Torċa Olimpika minn Ateni għal Ġinevra – l-ewwel waqfa internazzjonali, fil-post fejn hemm il-Kwartieri tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali u l-Mużew Olimpiku f’Lausanne. Hawn, it-Torċa tpoġġiet għall-wiri qabel kompliet il-vjaġġ tagħha.
John B. Matthews, iċ-Chairman tal-AirX, qal li “mill-vjaġġi u d-destinazzjonijiet kollha li nwasslu l-passiġġieri tagħna fihom, kien ta’ pjaċir kbir għalina nkunu parti minn dan il-vjaġġ b’sinifikat qawwi. Inħossni kburi li konna parti mil-Logħob Olimpiku u aħna tal-AirX ninsabu onorati ħafna li ntgħażilna”.
Abbord l-ajruplan, it-Torċa nġarret f’fanal u tpoġġiet b’mod sigur fuq seat, akkumpanjata minn grupp ta’ persuni nies mħarrġa fl-użu taċ-ċilindri tat-tifi tan-nar għal raġunijiet ta’ sigurtà.
L-AirX tipprovdi titjiriet ‘charter’ privati madwar l-Ewropa lil klijenti li normalment jinkludu ċelebritajiet ta’ Klassi A, bħal stilel ta’ Hollywood, artisti mix-xena pop, il-membri tal-Familji Rjali, l-aqwa Uffiċjali Eżekuttivi Korporattivi, plejers u impjegati ta’ timijiet sportivi, kif ukoll Ministri tal-Gvern. Il-kumpanija kisbet iċ-Ċertifikat tal-Operaturi tal-Ajru (AOC) mid-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili u minn Transport Malta f’Mejju 2013.
//= $special ?>