Lokali Parlament Unjoni Ewropea

Il-Gvern u l-Oppożizzjoni b’kunsens dwar il-pożizzjoni ta’ Malta wara Brexit

Kunsens bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar il-pożizzjoni ta’ Malta fil-konfront ta’ Brexit. Waqt stqarrija ministerjali fil-Parlament li fiha rrapporta l-andament tas-Summit Ewropew, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li wara ħafna snin, il-Kunsill Ewropew iffoka l-iktar fuq problemi li jolqtu lin-nies u kif l-Ewropa għandha tkun Ewropa għan-nies.

Joseph Muscat qal li l-Unjoni Ewropea hi proġett tajjeb li għandu jibqa’ għaddej iżda irid jaġġusta ruħa għar-realtajiet tal-ġurnata.

Il-fatt li pajjiż għażel li joħroġ mill-UE jista’ jkun tort tiegħu waħdu iżda jekk joħroġ it-tieni wieħed, ikun tort tal-UE. Il-Kunsill Ewropea ftiehem fuq numru ta’ linji gwida, fosthom li r-Renju Unit jingħata ċ-ċans jimla l-vojt ta’ tmexxija li għandu bħalissa. Min-naħa l-oħra, il-Mexxejja Ewropea qablu li kwalunkwe ftehim għandu jkun wieħed li jkun inferjuri minn sħubija. Jekk trid suq ħieles, trid taċċetta libertajiet l-oħra fosthom tal-persuni.

Dwar Presidenza tal-UE, Joseph Muscat qal li d-deċiżjoni se tittieħed sa Settembru. Hu qal li Malta għamlitha ċara li mhux lesta li testendi l-Presidenza tagħha għal sena għaliex jinvolvi piż kbir fuq riżorsi diplomatiċi u fuq is-servizz pubbliku. L-aħjar soluzzjoni hi li l-Estonja tmexxi l-Presidenza tagħha ‘il quddiem u żżommha għal sitt xhur. Bħala kompromess, Malta lesta taqsam il-Presidenza Ingliża mal-Estonja biex iż-żewġ pajjiżi jagħmlu 9 xhur fit-tmun kull wieħed.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil esprima l-qbil tal-Oppożizzjoni mal-Gvern dwar il-pożizzjoni ta’ Malta. Il-PN jaqbel ukoll mar-risposta tal-UE trid tkun waħda kalma u soda. Jekk ir-Renju Unit jagħżel li jitlaq, jitlaq, iżda ma jistax iżomm il-benefiċċji tas-sħubija.

Ironikament, l-effetti ta’ Brexit laqtu lil min iġġieled għalih u qed tinħoloq inċertezza fir-Renju Unit li bħalissa hu effettivament mingħajr Prim Ministru u mingħajr Kap tal-Oppożizzjoni. Simon Busuttil staqsa dwar x’se tkun il-pożizzjoni tal-Ingliż bħala lingwa uffiċċjali tal-UE u jekk hemmx min qed isejjaħ għal xi tibdil fit-Trattati. Il-Kap tal-PN qal li Malta għandha tissielet sabiex il-lingwa Ngliża tinżamm u li issa mhux il-waqt li jkun hemm xi tibdil fit-Trattati Ewropej.

Matul is-seduta saru wkoll mistoqsijiet dwar ix-xniegħat li r-Renju Unit se jnaqqas it-taxxa fuq il-kumpaniji, dwar it-tensjonijiet fl-immigrazzjoni, il-kuntratti mal-operaturi għall-istaġun turistiku tas-sena d-dieħla u dwar inkonsistenza mill-istituzzjonijiet Ewropej dwar it-trattament tal-Iskozja. Id-Deputat Ċensu Galea issuġġerixxa li l-Parlament għandu jiddedika seduta meta jerġa jiltaqa’ wara l-vakanzi tas-Sajf sabiex jiddiskuti l-implikazzjonijiet tal-vot Ingliż.

Fir-replika tiegħu, il-Prim Ministru qabel li jkun hemm seduta Parlamentari biex tiddibatti Brexit. Dwar il-kwistjoni tal-lingwa, kemm Malta kif ukoll l-Irlanda għandhom interess li l-lingwa Ngliża tibqa’ lingwa ewlenija tal-UE, iżda hemm implikazzjonijiet ta’ finanzjament għaliex 80% tal-ispiża tat-traduzzjonijiet għall-Ingliż kienet finanzjata mir-Renju Unit. Rigward il-kwistjoni ta’ tnaqqis tat-taxxi fuq il-kumpaniji, dan juri li r-Renju Unit diġa’ ħass id-daqqa tad-deċiżjoni fir-Referendum, Għal Malta, kien ikun aħjar kieku r-Renju Unit baqa’ fl-UE iżda jistgħu jiġu identifikat opportunitajiet, kemm mar-Renju Unit stess kif ukoll fil-konfront ta’ kumpaniji li jikkunsidraw li jiċċaqilqu lejn Malta.

Rigward Skozja, Joseph Muscat qal li l-pożizzjoni ta’ Malta, bħal ta’ kulħadd, hi li tkun kunsidrata bħala applikant ladarba l-iSkozja jkun Stat Indipendenti. Dwar l-operaturi turistiċi, il-PM irrikonoxxa li hemm element ta’ inċertezza, speċjalment fejn jidħol il-kambju. Il-Gvern lest li joffri għajnuna safejn jippermettu l-parametri ta’ State Aid.