Lokali

Inkonsistenzi u nuqqasijiet fl-għoti ta’ fondi lill-Kunsilli Lokali – NAO

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO)innota diversi nuqqasijiet fl-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Kunsilli Lokali dwar l-għotjiet tal-Fond tal-2015 għall-Proġetti Kapitali mill-Kunsill Lokali.

Fi stqarrija, l-NAO innota inkonsistenza fid-dokumentazzjoni meqjusa bħala meħtieġa mill-kumitat ta’ evalwazzjoni, b’ċertu kunsilli jiġu penalizzati filwaqt li f’każi oħrajn, il-fondi ġew mogħtija minkejja l-fatt li dokumenti simili ma kienux provduti.

L-NAO innota wkoll element ta’ ambigwita’ fl-interpretazzjoni ta’ ċertu kriterji li fuqhom ikunu evalwati l-proġetti. Inkonsistenza oħra innutata mill-Uffiċċju kienet l-allokazzjoni ta’ marki fejn proġetti b’karatteristiċi simili jingħataw marki differenti.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika hu tal-fehma li n-nuqqasijiet ewlenin identifikati fir-rigward tal-Fond setgħu kienu riżultat ta’ parametri li kienu stabbiliti b’mod wiesgħa.

Filwaqt li l-proċess ta’ appell hu wieħed pass pożittiv, l-NAO innota li anki dan il-proċess għandu numru ta’ nuqqasijiet.