Il-Gvern jordna transfer tal-istaff akkademiku kollu “għall-ebda raġuni ta’ xejn” – L-MUT
Il-Union tal-Għalliema Maltin (MUT) qed tipprotesta għal deċiżjoni tal-Gvern li jordna transfers għall-istaff kważi kollu tal-iskola primarja tal-Għarb, Għawdex. B’kollox ġew ordnati 12-il transfer, li jinkludu għalliema, LSA’s u saħansitra anke l-Kap tal-Iskola.
Skont il-Ministeru tal-Edukazzjoni, f’risposti għal mistoqsijiet ta’ NETnews.com.mt, it-transfers ingħataw minħabba “numru ta’ ilmenti minn diversi nies” dwar “numru ta’ issues fl-operat ta’ din l-iskola”.
NETnews.com.mt ma ngħatax dettalji ta’ dawn il-kwistjonijiet, li l-Ministeru tal-Edukazzjoni kkwota bħala raġuni għat-transfers li ngħataw. Fir-risposti tiegħu, il-Ministeru qal biss li wara li kien hemm numru ta’ ilmenti, id-Direttorat tal-Edukazzjoni iddeċieda li jaħtar bord indipendenti li għamel rapport “li ma kienx jirrigwardja każ wieħed partikolari iżda l-operat b’mod olistiku”.
Madanakollu, skont sorsi qrib l-iskola tal-Għarb, it-transfers ingħataw wara inċident li seħħ f’waħda mill-klassijiet bejn student u l-għalliem/a tiegħu. Filfatt, f’kummenti ma’ NETnews.com.mt, il-President tal-MUT Kevin Bonello qal li f’kwalunkwe kwistjoni, wieħed għandu jindirizza l-problema speċifika “u mhux jintefa’ kulħadd f’keffa waħda”.
L-iskola primarja tal-Għarb hija skola b’total ta’ sitt għalliema, żewġ ‘kindergarten assistants’ (KGAs), tlett ‘learning support assistants’ (LSAs) u Kap tal-Iskola. Kollha qalgħu transfer.
“Din id-deċiżjoni tista’ twassal għall-abbużi” sostna Kevin Bonello ma’ NETnews.com.mt, “għax b’sempliċi inkjesta nistgħu naqbdu u nitrasferixxu lil kulħadd,” filwaqt li żied li “jekk nibdew minn skola żgħira, għada pit għada tista’ taffettwa skejjel ikbar.”
L-MUT qed tgħid li ma taqbilx mar-rakkomandazzjoni tal-bord li tqabbad mid-Direttorat tal-Edukazzjoni u li fl-inkjesta tiegħu irrakkommanda li l-istaff akkademiku kollu jingħata transfer. Il-Union tal-għalliema ilha għal dawn l-aħħar xahrejn titlob li tingħata kopja tal-inkjesta li saret iżda għad ma kienx hemm żviluppi f’dan ir-rigward.
Madanakollu, dan ma żammx lill-MUT milli tibgħat ir-reazzjoni tagħha lill-Ministeru tal-Edukazzjoni bir-raġunijiet għalfejn ma taqbilx ma’ din id-deċiżjoni. “(L-għalliema) għandhom jibqgħu fejn kienu” sostna Kevin Bonello, li żied li għandhom jingħataw transfer biss dawk li huma responsabbli minn xi nuqqasijiet jew inkella dawk li speċifikament talbu li jingħataw transfer.
Filwaqt li l-Gvern ikkonferma li t-taħdidiet mal-MUT dwar din il-kwistjoni saru u se jkomplu, l-MUT qalet lil NETnews.com.mt li qed tistenna deċiżjoni finali minn żmien għal żmien.
L-għalliema ta’ din l-iskola irċevew l-ittri bid-dettalji dwar it-transfers ftit aktar minn ġimgħa ilu. Madanakollu, l-MUT tat direttiva lill-membri kollha tagħha fl-iskola primarja tal-Għarb biex jinjoraw l-ittra sakemm jinstab rimedju. L-MUT mhux qed teskludi li żżid l-azzjonijiet industrijali tagħha minħabba dan it-“transfer tal-massa” li sar b’mod abbużiv u li jista’ jirrepeti ruħu fi skejjel oħra ‘il quddiem.
//= $special ?>