Lokali

Propost tibdil radikali fl-Att dwar l-Edukazzjoni

Il-Gvern fetaħ konsultazzjoni pubblika dwar bidla komprensiva fil-liġijiet li jirregolaw il-qasam edukattiv.

Waqt it-tnedija ta’ din il-konsultazzjoni pubblika, il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li il-Liġi tal-Edukazzjoni se tinbidel u minnha se joħorġu ħames liġijiet separati li sa issa kienu jaqgħu taħt l-Att dwar l-Edukazzjoni. Dawn huma l-Att dwar ir-Regolamentazzjoni fl-Edukazzjoni, li l-għan tiegħu hu li d-Direttorat tal-Kwalita u l-Istandards isir regolatur awtonomu, l-Att dwar il-Professjonijiet fl-Edukazzjoni li jirregola l-kwalifiki u l-kundizzjonijiet tal-edukaturi kollha u liġijiet rispettivi għall-Universita’ ta’ Malta, l-MCAST u l-Istitut għall-Istudji Turistiċi.

Fost it-tibdil propost hemm iktar awtonomija mill-Kunsill tal-Edukaturi, fejn jidħol il-ħruġ ta’ warrants kif ukoll iktar poteri biex jintervjeni f’sitwazzjonijiet fejn il-ġenituri ma jkunux qed iħarsu l-interessi ta’ wliedhom, b’mod partikolari fejn jidħlu separazzjonijiet diffiċli.

Fost il-proposti fir-riforma hemm ukoll il-possibilita’ li jsir it-tagħlim fid-djar. Ġenituri jkunu jistgħu japplikaw lill-Kummissjoni dwar l-Edukazzjoni Ġenerali. Dan is-servizz jitħallas mill-ġenituri. Il-Kindergarten Assistants u Learning Support Assistants mistennija jkunu liċenzjati.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li din ir-riforma hi waħda mill-iktar importanti li qed issir mill-Gvern.
Hu qal li hi riforma li tħares fit-tul u li l-għan aħħari tagħha hu biex iktar tfal jirnexxu.
Il-konsultazzjoni pubblika tagħlaq fis-7 ta’ Ottubru.