Lokali

Rockestra 2016 se ssir fl-10 ta’ Settembru – Ma jonqsux is-sorpriża

Bħal kull sena, se jkun hemm element ta’ sorpriza waqt Rockestra. Iżda għalissa, għall-edizzjoni ta’ din is-sena, mhux se jitħabbru l-artisti li se jkunu qed jieħdu sehem u dan bħala parti mill-element ta’ sorpriza.

Dan ingħad waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha tnediet Rockestra 2016 li se ssir fl-10 ta’ Settembru fl-MFCC Ta’ Qali. Bħal kull sena d-dħul mill-kunċert se jmur għall-ħidma tal-Malta Community Chest Fund.

Il-Konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca li rringrazzjat lil dawk kollha involuti f’din l-inizjattiva li rat il-bidu tagħha fl-2009 fuq inizjattiva tal-President Emeritus George Abela.

Il-President qalet kif il-Malta Community Chest Fund dejjem għandha bżonn il-fondi biex tkun tista’ tagħti kwalita’ ta’ ħajja aħjar lil dawk li jfittxu l-għajnuna tagħha.

Semmiet kif il-Malta Community Chest Fund minn żmien għal żmien tidħol fi ftehim ma’ NGOs differenti bħal fil-qasam tat-terapija dan minbarra li nfetħu numru ta’ reach out offices biex bħala fondazzjoni dejjem tkun eqreb tan-nies, bħall-Gudja, San Pawl il-Baħar u Birzebbugia fost lokalitajiet oħra.

Waqt Rockestra ta’ din is-sena se jkun hemm varjeta’ ta’ mużika li se tolqot gosti differenti hekk kif dawk li ssoltu jattendu huma ta’ etajiet differenti. Id-direttur artistiku Pawlu Borg Bonaci qal li fost il-mużika li se tindaqq mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se jkun hemm tal-Beatles, Metallica u 30 secs to Mars fost oħrajn. Se tindaqq wkoll mużika Maltija.

L-arranġamenti mużikali se jkunu qed isiru minn Aurelio Belli.

Minn naħa tiegħu is-Surmast Sigmund Mifsud qal li din is-sena se jkunu qed joħolqu forma ta’ kompetizzjoni, biex musiċisti jkollhom l-opportunita’ li jdoqqu ma’ kitarrist ewlieni li se jkun mistieden speċjali waqt Rockestra.

Rockestra li se ssir is-Sibt 10 ta’ Settembru, mistennija tibda fis-7 ta’ filgħaxija. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur il-paġna ta’ Facebook Rockestra 2016.