Għat-tieni darba f’temp ta’ ftit ġimgħat kien hemm konfront ostili bejn bastiment tal-gwerra Russu u ieħor Amerikan fil-Lvant tal-baħar Mediterran.
Skont l- U.S. European Command (EUCOM), il-bastiment tal-gwerra Russu, Yaroslav Mudry, baħħar qrib ħafna tal-bastiment tal-gwerra Amerikan, l-USS San Jacinto. Skont l-EUCOM f’ebda mument il-vapur Amerikan kien mhedded imma l-mod kif kien qed jiġi gwidat il-vapur Russu, apparti li qorob ħafna għal dak Amerikan mingħajr ma kien hemm bżonn, kien perikoluż u kuntrarju għar-regolament internazzjonali tat-tbaħħir.
Tul dawn l-aħħar xhur kien hemm diversi inċidenti kemm fl-ajru kif ukoll fil-baħar bejn il-militar Russu u Amerikan imma s’issa mingħajr konsegwenzi serji.
Qabel l-inċident tal-USS San Jacinto, il-Yaroslav Mudry qorob sa 288 metru għal bastiment ieħor Amerikan, l- USS Gravely.
L-inċident seħħ hekk kif l-USS San Jacinto kien impenjat flimkien mal-aircraft carrier l-USS Dwight D. Eisenhower fl-attakki kotnra l-ISIS fl-Iraq u s-Sirja.
Imbagħad f’April, il-militar Amerikan ilmenta li ajruplani militari Russi tat-tip SU-24 immanuvraw b’mod ostili ħafna madwar il-bastiment tal-gwerra Amerikan, l-USS Donald Cook, waqt li kien qed ibaħħar fil-Baħar Baltiku. Wara dan l-inċident, is-Segretarju tal-Istat Amerikan John Kerry qal li l-aġir tal-bdoti kien provokattiv u perikoluż u seta’ wassal biex infetaħ in-nar kontrihom.
Tensjoni bejn Russi u Amerikani fil-Mediterran
