Lokali

Wirja dwar l-istorja tal-Korp tal-Pulizija

Il-Korp tal-Pulizija f’pajjiżna qed jiċċelebra l-mitejn u sentejn mit-twaqqif tiegħu. Ilbieraħ filgħodu kien hemm programm varjat fil-Belt, hekk kif fil-bini tal-Parlament tnediet wirja dwar l-istorja tal-Pulizija. Il-wirja tinkludi tagħmir, uniformijiet, armi u ritratti użati matul iż-żminijiet mill-Korp, li hu fost l-eqdem fl-Ewropa.

F’diskors qasir, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia, li serva fil-Korp tal-Pulizija għal 19-il sena, qal li l-Parlament juri apprezzament lejn ix-xogħol tal-Pulizija. Fakkar ukoll kif minn Mejju tas-sena li għaddiet, is-sigurtà tal-ogħla istituzzjoni fil-pajjiż għaddiet formalment f’idejn il-Pulizija.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela qal li l-Gvern jirrikonoxxi x-xogħol tal-Korp tal-Pulizija lis-soċjetà. Fakkar kif f’dawn l-aħħar xhur, il-membri tal-Korp ingħataw id-dritt li jkunu rappreżentati f’unions u llum il-ġurnata hemm żewġ unions għall-membri tal-Korp.

L-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar sellem il-memorja tal-membri tal-Korp li mietu, b’mod speċjali dawk li mietu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Qal li aktar attivitajiet biex ifakkru l-anniversarju mit-twaqqif tal-Korp se jsiru f’Birżebbuġa, Marsaskala, Tas-Sliema, Buġibba u Marsalforn.

Sadanittant, barra l-bini tal-Parlament, il-Maltin u t-turisti preżenti setgħu jammiraw esibizzjoni tal-‘precision drill team’, il-banda u s-sezzjoni tal-klieb tal-Korp tal-Pulizija.