Ewropa Lokali

79% tal-Maltin jaħsbu li t-tkabbir tal-popolazzjoni Musulmana fl-Ewropa hija “theddida”

Studju ġdid dwar ix-xejriet politiċi u soċjali fl-Unjoni Ewropea juri ċifri xokkanti dwar l-opinjoni tal-Maltin f’dak li għandu x’jaqsam mal-immigrazzjoni. Dan hekk kif skont studju kkummissjonat mit-think thank ‘Századvég Foundation’ tal-Ungerija, 79% tal-Maltin jaraw iż-żieda tal-Musulmani fl-Ewropa bħala ‘theddida’.

L-istudju, intitolat ‘Project 28′, sar bil-għan li jistabilixxi l-perċezzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea dwar kwistjonijiet soċjali, politiċi, ekonomiċi kif ukoll dwar l-Unjoni Ewropea.

Fl-istħarriġ saret din il-mistoqsija: “Il-popolazzjoni tikber b’mod mgħaġġel ta’ persuni Musulmani kemm hi theddida serja għall-Ewropa?”. Ir-rispondenti kellhom l-għażla li jwieġbu ‘theddida serja ħafna’, ‘theddida serja sa’ ċertu punt’, ‘mhux daqstant theddida serja’, ‘mhux theddida’ u ‘ma nafx/rifjut’.

F’Malta, 30% tar-rispondenti wieġbu li t-tkabbir tal-popolazzjoni Musulmana fl-Ewropa hija “theddida serja”, filwaqt li 49% wieġbu li t-tkabbir tal-popolazzjoni hija “thedidda serja sa’ ċertu punt”. Dan ifisser marka globali ta’ 79% tar-rispondenti Maltin li jaraw it-tkabbir tal-popolazzjoni Musulmana fl-Ewropa bħala ‘theddida’.

Kienu biss 15% tar-rispondenti Maltin li wieġbu li t-tkabbir tal-popolazzjoni Musulmana fl-Ewropa ‘mhux daqstant theddida serja’. 5% biss ma jaraw l-ebda theddida.

Iżda dan kif jikkumpara mal-bqija tal-Ewropa? L-istħarriġ juri li b’mod globali, fl-Unjoni Ewropea kollha, 36% jaraw it-tkabbir tal-popolazzjoni Musulmana fl-Ewropa bħala ‘theddida serja’, filwaqt li 34% jarawha bħala ‘theddida serja sa’ ċertu punt’. 18% tal-popolazzjoni Ewropea taraha bħala ‘mhux daqstant theddida serja’ filwaqt li 10% ma jaraw l-ebda theddida li l-popolazzjoni Musulmana fl-Ewropa qed tikber b’mod mgħaġġel.

Ir-rapport jinkludi ċifri oħra li jqanqlu tħassib. Għall-mistoqsija “kemm temmen li hi probema li l-immigranti llegali qed jidħlu fil-pajjiż tiegħek?”, 45% tal-Maltin wieġbu “problema serja ħafna”, filwaqt li 46% wieġbu “problema serja sa’ ċertu punt”. Kienu biss 11% li rrispondew li “mhux daqstant problema serja” waqt li 4% wieġbu li m’hi problema xejn.

Dwar il-pjan tal-Unjoni Ewropea għat-tqassim bil-kwota tal-immigranti rregolari

Għall-mistoqsija jekk hemmx qbil mal-pjan tal-Unjoni Ewropea biex l-immigranti rregolari jitqassmu madwar l-Ewropa b’sistema ta’ kwota, 53% taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali wieġbu li jaqblu, kontra 37% li ma jaqblux. 10% ma jafux, jew għażlu li ma jirrispondux.

Dwar petizzjoni biex il-pajjiż joħroġ mill-Unjoni Ewropea

Mill-istudju jirriżulta wkoll li 20% tal-popolazzjoni Maltija tkun lesta li tiffirma petizzjoni biex Malta toħroġ mill-Unjoni Ewropea. Dan jikkumpara mas-26% fuq il-medja Ewropea. Skont l-istħarriġ, iċ-ċittadini tal-Lussemburgu huma l-inqas li jkunu lesti li jiffirmaw petizzjoni ta’ din ix-xorta, b’9%.