Futbol Sport

Birkirkara jikkwalifikaw għat-tieni rawnd tal-UEFA Europa League

Rapport: Stewart Said

BIRKIRKARA……….2
SIROKI BRIJEG……0

Birkirkara għaddew għat-tieni rawnd tal-UEFA Europa League b’wirja pożittiva meta għelbu lil Siroki Brijeg 2-0 biex għaddew b’aggregate ta’ 3-1. Rebħa meritata għall-Istripes li kienu aħjar mill-avversarji bit-tim mill-Bożnija rari jkunu perikolużi.

Minbarra l-prestiġju tal-kwalifikazzjoni, Birkirkara se jkollhom somma tajba wkoll li biha jkunu jistgħu jinvestu aktar fil-klabb. Dan il-progress fil-kompetizzjoni, jiġi wara s-suċċess tal-istaġun li għadda.

Birkirkara ħolqu l-ewwel azzjoni denja tal-logħba b’xutt ta’ Plut li ġie mdawwar f’korner minn Soldo. L-Istripes fetħu l-iskor fid-29 minuta meta Marcelina għadda passaġġ tajjeb lil SRDAN DIMITROV li kkontrolla l-ballun u b’xutt tajjeb fuq l-ewwel lasta għeleb lil Soldo.

Birkirkara kellhom ċans tajjeb fit-42 minuta iżda minn pożizzjoni ideali, Plut għażel li jixxutja flok jibqa’ javvanza bil-ballun jispiċċa barra. Żewġ minuti wara Marcelina għadda tajjeb lejn Ryan Scicluna iżda xutt tiegħu kien fjakk u ġie salvat.

Siroki kellhom l-ewwel tentattiv denju lejn il-lasta fl-54 minuta meta xutt ta’ Lago Santos ġie mdawwar f’korner minn Kopric. Il-logħba żvolġiet f’nofs il-grawnd bl-ebda periklu fuq iż-żewġ naħat.

Iżda Birkirkara skorjaw il-gowl tal-kwalifikazzjoni fis-77 minuta. Kien kontrattakk tajjeb b’Vito Plut jaħrab mix-xellug jitfa’ kross lejn in-nofs, iżda fit-tentattiv li jbiegħed il-periklu Stipo Markovic tefa’ fix-xibka tiegħu stess. Siroki pruvaw jidħlu fil-logħba b’diversi attakki nkluża dik tat-88 minuta, iżda minn kross mil-lemin, id-daqqa ta’ ras finali ta’ Lago Santos għaddiet fuq il-lasta.

Birkirkara: M. Kopric, C. Attard, P. Jovic (R. Camenzuli 79’), C. Bubalovic, J. Zerafa, E. Marcelina, G. Sciberras, S. Bajada, R. Scicluna (M. Guillaumier 66’), S. Dimitrov (E. Bilbao Zarate 75’), V. Plut
Siroki Brijeg: A. Soldo, B. Pandza (J. Barisic 46’), D. Coric, Z. Plazonic (J. Ivankovic 46’), I. Krstanovic, I. Baraban (L. Menalo 79’), W. Lago Santos, I. Sesar, S. Brekalo, I. Crnov, S. Markovic
Skurja: S. Dimitrov 29’, S. Markovic 79’ (B)
Imwissija: P. Jovic 59’, J. Zerafa 67’ (B), S. Brekalo 45’, D. Coric 65’ (S)
Referee: Rahim Hasanov (Ażerbajġan)
Assistenti Referees: Namik Husyenov, Vagif Musayev (Ażerbajġan)
Attendenza: 1152