Lokali Qorti

€603,000 f’kumpens wara azzjonijiet dixxiplinarji inġusti fil-konfront ta’ eks impjegata tal-HSBC

L-eredi ta’ Johanna Abela, eks impjegata tal-HSBC, ingħataw kumpens ta’ €603,000 wara li l-Qorti ddeċidiet li ttieħdu azzjonijiet dixxiplinarji inġusti fil-konfront tagħha. Il-Qorti qalet li bl-azzjonijiet li ttieħdu, il-Bank kiser id-drittijiet tal-ħaddiema.

Fl-1 ta’ Marzu 2004, Abela kienet sospiża indefinittivament minn xogħolha fil-Bank bħala Manager fis-sezzjoni tal-Klijenti Privati, bl-ittra ta’ akkuża dwar kondotta ħażina nħarġet ħames ġimgħat wara.

Dan wassal biex bord tad-dixxiplina sabha ħatja u kawża ta’ hekk tnaqqsilha l-grad tal-impjieg. Id-deċiżjoni kienet ikkonfermata minn bord ta’ appell, li bidel it-tnaqqis fil-grad għal transfer dixxiplinarju u ‘warning’ finali għall-waqfien mill-impjieg.

Permezz tal-Avukat Tonio Azzopardi, l-eks impjegata tal-HSBC qalet li l-proċeduri fil-konfront tagħha kienu difettużi u jiksru l-prinċipji naturali tal-ġustizzja. Sostniet fost l-oħrajn li matul il-proċeduri, hi lanqas biss tħalliet ittella’ x-xhieda jew li jsir kontro-eżami lil dawk li xehdu kontriha.

Filwaqt li qalet li dokument anonimu ntuża’ bħala xhieda kontriha, sostniet li l-bord tad-dixxiplina u dak tal-appell ma kienux indipendenti jew imparzjali. Għaldaqstant, hi talbet lill-Qorti biex il-proċessi kollha li għamel il-Bank jiġu ddikjarati nulli u mingħajr effett għax jiksrulha d-drittijiet tagħha, filwaqt li l-Bank jinżamm responsabbli għad-danni.

Fid-deċiżjoni tagħha, l-Imħallef Jacqueline Padovani Grima qalet li l-Bank ma rnexxielux jikkonvinċi lill-Qorti li l-proċess li nżamm 12-il sena ilu kien wieħed ġust. Min-naħa l-oħra nnutat li m’hemm l-ebda evidenzja xjentifika li d-dipressjoni reattiva li qabdet lil Abela setgħet b’xi mod wasslet għall-iżvilupp tal-kanċer, li kkawża l-mewt ta’ Abela fl-2013.

Matul il-proċeduri, il-Bank talab biex minflok jingħata l-kumpens, jinbdew mill-ġdid il-proċeduri dixxiplinarji. Madankollu, il-Qorti qalet li ladarba Abela mietet, il-proċeduri ma jistgħux jerġgħu jinbdew. Għaldaqstant, iddeċidiet kumpens finanzjarju ta’ €603,000, li tinkludi l-pagi u l-‘commissions’ bl-ispejjeż u l-interessi li l-vittma kienet tieħu sa qabel intlaqtet mill-marda tal-kanċer.