Lokali

Id-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi jgħid li Muscat ma jistax jiftaħ kawża kontrih innifsu

Kostituzzjonalment, Muscat ma jistax jiftaħ kawża kontra dipartiment li jaqa’ fil-portafoll tiegħu stess – il-Professur Kevin Aquilina

Id-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta, il-Professur Kevin Aquilina, ikkonkluda li l-Prim Ministru Joseph Muscat ma jistax jiftaħ kawża l-Qorti kontra dipartimenti tal-Gvern li huma parti mill-portafoll tiegħu stess.

Il-Professur Kevin Aquilina ippubblika l-konklużjonijiet tiegħu f’artiklu fil-gazzetta Times of Malta b’referenza għall-iskandlu Gaffarena. Fl-iskandlu, Gaffarena sar miljunarju wara li kien hemm kollużjoni bl-involviment tad-Dipartiment tal-Artijiet. B’konsegwenza, Michael Falzon kien imġiegħel jirriżenja minn Segretarju Parlamentari wara ġimgħat ta’ pressjoni, filwaqt li Joseph Muscat fetaħ kawża kontra d-Dipartiment tal-Artijiet.

Iżda d-Dipartiment tal-Artijiet jaqa’ direttament taħt il-Prim Ministru Joseph Muscat, bid-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi jgħid li l-Prim Ministru, bħala Membru Parlamentari, ma jistax jiftaħ kawża kontra d-dipartimenti li jaqgħu taħt il-portafoll ministerjali tiegħu.

Il-Professur Kevin Aquilina qal li dan il-każ iqajjem numru ta’ kwistjonijiet legali. Fost oħrajn, il-Professur Aquilina innota li jekk id-Dipartiment tal-Artijiet jaqa’ taħt il-Prim Ministru, kif jista’ Muscat jiddefendi lid-Dipartiment fil-Parlament iżda imbgħad jiftaħ kawża kontrih fil-Qorti?

Fl-artiklu tiegħu, il-Professur Aquilina tenna l-prinċipju li l-Gvern huwa indivisibbli – jiġifieri li l-Gvern, għalkemm maqsum f’Ministeri u dipartimenti differenti, xorta huwa kkunsidrat bħala Gvern wieħed. Żied li kien ikun jagħmel aktar sens, fl-interess pubbliku, li l-Avukat Ġenerali fetaħ il-kawża hu bil-Gvern ikun wieħed mill-partijiet fid-difiża.

Fl-artiklu riċerkat u sostnut minn diversi opinjonijiet legali ta’ portata, id-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi qal li kostituzzjonalment, hemmx lok għal qasma fil-personalità tal-Gvern, bil-Professur jikkonkludi bl-aktar mod ċar li Musat ma jistax, bħala Membru Parlamentari, jiftaħ kawża l-Qorti kontra dipartiment li jaqa’ taħtu.

“L-indivisibiltà tal-Gvern juri biċ-ċar li Muscat ma jistax f’mument wieħed ikun Dr. Jekyll, u f’mument ieħor ikun Mr. Hyde,” temm jgħid il-Professur Kevin Aquilina.

kevin aquilina times of malta

Ritratt: l-artiklu ppubblikat fil-ħarġa tal-lum ta’ Times of Malta

kevin aquilina

Ritratt: id-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi, il-Professur Kevin Aquilina