Lokali

Il-Ħamis tibda t-tielet edizzjoni tal-Fiera l-Kbira

Wara s-success tal-ewwel żewġ edizzjonijiet, se terġa’ tiġi organizzata l-Fiera l-Kbira f’Monte Kristo Estates f’Ħal Farruġ. Din is-sena, il-Fiera l-Kbira se ssir bejn il-Ħamis 7 u l-Ħadd 17 ta’ Lulju b’kollaborazzjoni mal-GRTU.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, ingħatat informazzjoni dwar x’se tinvolvi l-Fiera l-Kbira din is-sena, fosthom li se jkun hemm madwar 220 eżebitur u postijiet ta’ parkeġġ li jlaħħqu aktar minn 6,000, hekk kif din is-sena se tinfetaħ żona oħra ta’ parkeġġ.

Din is-sena, l-organizzaturi tal-Fiera l-Kbira ħasbu biex għall-ewwel sebat ijiem tal-Fiera jkun offrut servizz ta’ ‘shuttle service’, li se jitlaq minn ħdejn lukanda fil-Furjana għal Ħal Farruġ u lura. Fl-aħħar erbat ijiem tal-Fiera mbagħad, mistenni jkun offrut servizz ta’ trasport minn kull lokalità għall-Fiera l-Kbira.

Dan hekk kif din is-sena, l-organizzaturi qed jistennew aktar minn 100,000 viżitatur. Se jkun hemm ukoll Ufficjali tat-Traffiku biex jassiguraw li t-traffiku ma jkunx staġnat.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ingħad ukoll li kull tifel u tifla li se jmorru l-Fiera l-Kbira se jingħataw biljett biex isarfuħ f’ġugarell. Dan minbarra li mhux se jonqsu r-rigali minn jum għall-ieħor. L-organizzaturi qed jippruvaw joħolqu wkoll ambjent addattat għal kulħadd bi spettakli ta’ kull tip.